Tuesday, April 23, 2024

‘Trid tkun dixxiplinata u fuq kollox lesta li tagħmel ħafna sagrifiċċju għax inkella ma tirnexxix’ – Kim Dalli

Aqra wkoll

Kim Dalli hi attriċi li ħadmet ukoll bħala ġurnalista. Hi għandha għal qalbha d-drama, it-teatru u b’mod partikolari l-kitba tagħhom. Ħadmet u qed tkompli taħdem fuq diversi proġetti bl-aħħar wieħed ikun dak li xxandar fuq ONE TV u fuq GO bl-isem ta’ The Women of George Cross Island.

Kim għandha passjoni kbira lejn l-istorja tan-nisa u anke l-perjodu tal-gwerra u kif għexu f’dawk iż-żminijiet iebsa. Tagħmel riċerka intensa filwaqt li permezz ta’ intervisti u affarijiet oħra tkompli ssir taf aktar dwar dan il-perjodu partikolari.
Fuq kollox, l-għan tagħha hu dejjem li ġġib karattri ħajjin fejn forsi qatt ma ssemmew jew inkella ftit ingħataw importanza u li jidhru fuq l-iskrins tat-televiżjoni.

Ma’ talk.mt, Kim Dalli, tiddeskrivi l-eċitament li tħoss meta tiskopri xi ħaġa ġdida apparti li taħdem mal-atturi sabiex il-karattru partikolari jingħata l-ħajja.
Hi tgħidilna kif oriġinat din l-imħabba li għandha lejn id-drama.

“Kont għadni żgħira u minn dejjem kienet togħġobni l-arti tar-reċtar, żfin u drama inġenerali. Ta’ ħames snin kont niżfen u niftakar anke li kont nimita ħafna il-karattri tal-cartoons li kont nara u minn hemm kont nimmaġina ħafna affarijiet. Dejjem kelli ħolma wkoll li nieħu sehem f’ xi reċti , bdejt bil-mod u komplejt niżviluppa din il-ħila. Fil-fatt ta’ 18-il sena fl-ewwel drama tiegħi li kien jisimha Evanġelisti li għadha s’issa bħala waħda mill-iktar drammi għal qalbi.”

Kim issemmi meta kienet għamlet parti partikolari f’din id-drama tant popolari. Hi kellha tkun karattru li hu nieqes mid-dawl. Biex żgur tkun qed tinterpreta l-parti bl-aqwa mod, hi ltaqgħet ma’ persuna bl-isem ta’ Bridget Micallef li hi stess kienet nieqsa mid-dawl. Ma’ Bridget ħadmet ħafna sabiex tinterpreta dan il-karattru bl-aqwa mod possibbli. Illlum il-ġurnata huma t-tnejn baqgħu ħbieb minkejja li għadda ftit taż-żmien minn dakinhar.

Kim Dalli kellha ċ-ċans ukoll li ssiefer barra minn Malta u tiltaqa’ ma’ diversi persuni. Fil-fatt id-dramm ta’ Herman Grech bl-isem ta’ They Blew Her Up ħaditha sa Brussels u l-Italja fost l-oħrajn u dan kollu ġab miegħu esperjenzi ġodda bl-udjenzi li kienu ferm numerużi.

Saqsejna lil Kim sabiex ittina aktar dettalji dwar il-kitba u s-sehem tagħha fil-produzzjoni televiżiva bl-isem ta’ The Women of George Cross Island, b’produzzjoni ta’ Sharp Shoot Media.

“Kif kelli ċ-ċans ngħidlek aktar qabel, l-istorja ta’ Malta togħġobni ferm partikolarment dik ta’ żmien il-gwerra. Tajjeb li ngħidu li smajna ħafna dwar l-irġiel li kellhom sehem f’dan il-perjodu ferm diffiċli għall-Maltin u Għawdxin. Ħafna minnhom spiċċaw suldati, oħrajn jaħdmu sabiex imantnu lill-familja. Madankollu ftit smajna dwar in-nisa u kemm dawn ħadmu sabiex Malta tkun tista’ tkompli l-mixja tagħha lejn il-ħelsien minn dan iż-żmien.”

“Nista’ ngħidlek li n-nisa kienu parti mix-xogħol amministrattiv li sar iżda anke fil-qasam edukattiv. Kif kien qal ir-riċerkatur Simon Cusens, in-nisa kienu l-magna li ħallew il-pajjiż għaddej, għalkemm ftit ingħataw rikonoxximent għal dak iż-żmien. Kien dan il-moviment li xpruna lill-gvern ta’ dak iż-żmien sabiex jagħti l-vot lin-nisa fl-1947 għax aktar qabel huma ma kellhomx id-dritt jeżerċitaw dan id-dover essenzjali fid-demokrazija tal-pajjiż.”

Kim titkellem magħna b’ċertu passjoni partikolarment fl-esperjenzi li diġa’ għandha mhux biss fi produzzjonijiet televiżivi iżda wkoll fit-teatru.

X’differenza tara bejn il-palk u t-televiżjoni fi produzzjoni teatrali?

“Nammetti li t-tnejn li huma jogħġbuni. Madankollu hemm differenza partikolari bejn dawn it-tnejn. Eżempju jekk jien qed niġbed xena ta’ żewġ minuti, dik taf toħodlok madwar ħames sigħat xogħol. Din mhux eżaġerazzjoni iżda verita’. Ix-xogħol tal-editur hu kruċjali fejn dan jagħmel ħafna filtri li jġib il-produzzjoni waħda professjonali.”

“Mill-banda l-oħra, fit-teatru l-attur jew l-attriċi partikolari qed tkun awtentika, qed tarah quddiemek u għalhekk hemm ħafna teknika fiha fost l-oħrajn tal-vuċi fejn int trid tipproġetta leħnek biex kemm dawk li qegħdin fil-filliera ta’ quddiem u anke dawk li qegħdin fuq wara jkunu jistgħu jisimgħuk sew.”

Kim Dalli tgħid li rat id-drama tkompli tinbidel iżda dejjem għall-aħjar partikolarment fi produzzjonijiet televiżivi li qed isiru dejjem aktar professjonali. Hi semmiet b’mod partikolari lil Sharp Shoot Media li tant jagħmlu stampa sabiħa u li fissritha bħala qisha mpittra.

“Nista’ ngħidlek li f’dan il-qasam hawn talent kbir u li qed jiżdied. Illum hawn ħafna atturi u anke kittieba li qed jilħqu ta’ eta’ żgħira ħafna u dawn in-nies irridu nibżgħu għalihom. Dawn in-nies huma kemm irġiel kif ukoll nisa.”

L-artist kemm iħossu apprezzat hawn Malta? Hi tgħid li mill-kummenti li tirċievi, hi tħossha ferm apprezzata anke għax bħala kittieba u artista, taħdem qatigħ. Għalkemm Kim ma tipprattikax dan ix-xogħol fuq bażi full-time, hawn oħrajn li jippruvaw jagħmlu xi ħaġa hekk. Minkejja kollox, hi tgħid li hemm min jitħallas litteralment biċ-ċiċri u tgħid li hemm bżonn regolarizzazzjoni ta’ dan kollu.
Iżda kif jirnexxielha tlaħħaq max-xogħol, mar-reċtar, kitba iżda fuq kollox mar-riċerka li xi kultant tkun twila?

“Forsi għandi vantaġġ li m’għandix tfal u għalhekk għandi xi ftit tal-ħin liberu li jien ngħaddih nagħmel ir-riċerka tiegħi apparti li nagħmel ħafna reċtar. Jien għalija dan kollu ma narahx bħala xogħol anzi kważi kważi meta nagħmel ir-riċerki tiegħi, narah bħala forma ta’ mistrieħ.”

“Madankollu nista’ ngħid ukoll li b’xi mod jew ieħor trid tkun dixxiplinata u fuq kollox lesta li tagħmel ħafna sagrifiċċju għax inkella ma tirnexxix!”
Finalment insaqsu lil Kim Dalli dwar il-futur tagħha u hi tgħidilna li tixtieq tkompli tikteb u anke tirreċta u forsi tkompli tiżviluppa f’din il-karriera li tant ittiha sodisfazzjon.”

Sport