Waqt il-Konferenza Kwadriennali tat-Taqsima GWU Kimika u Enerġija, Rita Dimech kienet ikkonfermata bħala Segretarju ta’ din it-Taqsima. F’din l-istess konferenza nħatru wkoll il-membri tal-Eżekuttiv tat-Taqsima għall-perjodu 2025-2028.
F’diskors li għamlet tal-okkażjoni, is-Segretarju Dimech qalet li l-ħidma li saret f’dawn l-aħħar erba’ snin kienet waħda kontinwa u li ħalliet ir-riżultati tant li komplew jiżdiedu l-membri fi ħdan it-Taqsima.
Hija qalet li t-Taqsima Kimika u Enerġija hi waħda mill-ikbar taqsimiet fi ħdan il-GWU u tirrappreżenta ’l fuq minn 3,000 ħaddiem. Madankollu, hija rrikonoxxiet li għad hemm kumpaniji tal-farmaċewtika u l-manifattura fejn hemm ħaddiema li għadhom mhumiex membri fi trejd unjin. Kien hawn fejn appellat lil dawk preżenti biex jinfurmawhom dwar kemm huwa importanti li jkunu membri fi ħdan union.
Is-Segretarju Dimech kompliet tgħid li “rridu naħdmu flimkien biex ma insaħħu l-kundizzjonijiet li akkwistajna matul is-snin. Nassiguraw li kull impjegat ikun imħallas paga xieraq għar-responsabbiltajiet li jkollu fuq il-post tax-xogħol u li jkun hemm ħlas indaqs għax-xogħol tal-istess valur. Kif ukoll, l-importanza tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema kollha.”
Hija temmet tirringrazzja lir-rappreżentanti tal-ħaddiema għax-xogħol siewi li jagħmlu ma’ sħabhom fuq il-postijiet tax-xogħol, lill-membri kollha tal-Eżekuttiv tat-Taqsima tal-appoġġ u l-għajnuna li tawha matul dawn is-snin filwaqt li awgurat lill-membri l-ġodda ħidma siewja għall-ġid tal-ħaddiema.
Irringrazzjat ukoll lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, lid-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri, lill-President tal-GWU Victor Carachi, lis-Segretarji kollha tal-għajnuna li dejjem sabet mingħandhom, kif ukoll lill-avukati tal-GWU.
Sadanittant, fl-għeluq tal-konferenza, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja rringrazzja lil Rita Dimech, lill-membri tal-Eżekuttiv tat-Taqsima u lir-rappreżentanti kollha tal-ħidma li qed iwettqu b’risq il-ħaddiema. Huwa qal li l-kisbet li għamlet Rita kienu kbar u rnexxielha tkompli tibni fuqhom.
“Nixtieq li bħala GWU ikollna aktar nisa li jipparteċipaw. Nieħu pjaċir ukoll nisma’ lil Rita tgħid li daħlu diversi shopstewards u delegati ġodda. Dak juri l-interess u li l-ħidma tal-GWU qiegħda tħalli frott,” tenna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.