Tuesday, May 14, 2024

RITMU EKONOMIKU LI QED
JOĦLOQ AKTAR IMPJIEGI

Aqra wkoll

Ir-reżiljenza ekonomija ta’ pajjiżna issa stabbiliet ruħha sew tant li f’dawn l-aħħar snin kompliet tikber minn sena għall-oħra. Dan mhuwiex rifless biss fuq tkabbir imsejjes fuq il-konsum imma wkoll fuq ir-ritmu pożittiv li qabad is-settur tal-impjiegi. Fil-fatt dawn l-aħħar jiem statistika riċenti tal-Eurostat ikkonfermat li Malta għandha t-tieni l-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona Ewro.

Dan is-sentiment dwar is-saħħa tal-ekonomija Maltija qed jiġi nnotat anke minn aġenziji ta’ kreditu internazzjonali, bl-aħħar minn dawn tkun Fitch Ratings, li reġgħet tat rating ieħor ta’ A+ bi prospetti stabbli għal Malta. Dan jawgura tajjeb fir-rigward ta’ kemm pajjiżna huwa attraenti għall-investiment barrani dirett, li jkompli joħloq aktar impjiegi ta’ kwalità.

Sinjifikanti huwa wkoll il-fatt li matul it-12-il xahar li għaddew, il-Malta Enterprise approvat b’€75 miljun fi proġetti ġodda bejn investiment lokali u barrani, li bejniethom mistennija joħolqu ‘l fuq minn 1,000 impjieg ġdid fit-tliet snin li ġejjin.
Illum bit-teknoloġija u bil-metodi ġodda li qed jiddaħħlu fid-dinja tax-xogħol ftit aktar nitkellmu dwar impjiegi imma qed nitkellmu aktar fuq karrieri. U proprju dak li ħabbret il-Malta Enterprise se jkun aktar iffokat fuq karrieri maħluqa fi professjonijiet u oqsma varji fosthom xjentisti, coders, speċjalisti fl-intelliġenza artifiċjali u ħaddiema b’ħiliet biex jaħdmu fil-manifattura u startups fost oħrajn.

Konxji tal-ħtieġa li l-ambjent ikun protett, l-investiment imħabbar se jkun qed jiffoka wkoll fuq aspetti varji ambjentali u anke s-sostenibbiltà fl-istess waqt li l-ħidma li se jkunu qed jagħmlu dawn il-kumpaniji li jiġu jiftħu f’Malta mhux biss ikunu qed jgħinu lill-ekonomija u joħolqu aktar impjiegi imma jagħmlu bidliet u jaraw li l-operat tagħhom ikollu effett pożittiv fuq l-ambjent u allura fuq is-soċjetà b’mod inġenerali.

F’dan il-kuntest kollu, l-aktar fejn jolqot l-ambjent, wieħed jistenna li kumpaniji ġodda u oħra li ilhom stabbiliti hawn, ikomplu jkunu soċjalment responsabbli mhux biss lejn min juża l-prodotti jew is-servizzi tagħhom imma wkoll lejn iċ-ċittadini biex il-ħajja tkun dejjem aħjar anke bil-kontribuzzjoni soċjali ta’ dawn l-istess kumpaniji.

Wieħed jittama li dan ir-ritmu ekonomiku b’saħħtu, minkejja l-isfidi ta’ bħalissa u tal-ġejjieni, jibqa’ għaddej mhux biss biex ikabbar il-kejk nazzjonali imma wkoll itejjeb kemm jista’ jkun il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Sport