Monday, December 23, 2024

Ritratt muri fil-qorti juri lil Epstein u Maxwell fir-residenza tar-Reġina ġewwa Balmoral

Aqra wkoll

Ritratt tal-pedofelu Jeffrey Epstein u Ghislaine Maxwell jirrilassaw f’dik li aktarx hija r-residenza tar-Reġina f’Balmore ġie ippreżentat fil-Qorti fl-Istati Uniti. 

Ir-ritratt, li aktarx ittieħed fl-1999, probabbilment ittieħed meta l-Prinċep Andrew tar-Renju Unit kien stieden lil din il-koppja biex joqogħdu f’din ir-residenza ġewwa l-Iskozja. Maxwell, li għandha 59 sena, qiegħda tgħaddi ġuri mixlija li allegatament bejn l-1994 u l-2004 rawment tfajliet taħt l-età biex jiġu abbużati minn Epstein. Maxwell qiegħda tinnega l-akkużi kollha li qed isiru fil-konfront tagħha. 

It-tim legali ta’ Maxwell qiegħed jargumenta li l-klijenta tagħhom qiegħda tiġi użata bħala “scapegoat” għal dak li kien wettaq is-sieħeb tagħha li kien instab mejjet fil-ħabs ftit tas-snin ilu. Epstein kien akkużat li mexxa “ċirku kbir” ta’ tfaljiet taħt l-età għas-sess. Huwa kien miet fil-ħabs qabel m’għadda ġuri. 

Ir-ritratt imsemmi kien muri lill-ġurati mill-prosekuturi biex juri r-rabta mill-qrib li kien hemm bejn Maxwell u Epstein. Il-prosekuzzjoni qiegħda targumenta li dawn it-tnejn kienu “sħab kriminali”. 

Dan ir-ritratt kien instab fil-villa lussuża ta’ Epstein ġewwa Manhatten u jidher li ttieħed f’Balmoral. Ir-Reġina u l-familja tagħha għandhom numru ta’ ritratt li ttieħdu fl-istess post. Din il-koppja kellhom ħbiberija mill-qrib mal-Prinċep Andrew, it-tielet tifel tar-Reġina Eliżabetta, u hu mifhum li hu kien stieden lil Epstein u Maxwell f’Balmoral. 

Fil-ġuri ħareġ ukoll kif il-Prinċep kien ivvjaġġa fuq l-ajruplan privat ta’ Epstein diversi drabi. S’issa l-Prinċep Andrew mhu qiegħed jiġi akkużat bl-ebda delitt. 

Maxwell – li għandha ċittadinanza Britannika, Amerikana u Franċiża – qiegħda tiffaċċja sentenza ta’ 80 sena ħabs jekk tinstab ħatja.

Ekonomija

Sport