Saturday, December 21, 2024

Roberta Metsola eletta bħala President tal-Parlament Ewropew

Aqra wkoll

Il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola għadha kif nħatret bħala President tal-Parlament Ewropew għas-sentejn u nofs li ġejjin.

Ftit wara li tħabbar dan, hija qalet li tinsab tassew onorata li ġiet fdata b’din ir-responsabiltà u li se taħdem qatigħ f’isem dan il-parlament u għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha Ewropej.

L-ewwel rawnd ta’ voti beda fid-9.00a.m. fejn Metsola ġabet il-maġġoranza meħtieġa. Fil-fatt hija kisbet total ta’ 458 vot minn 690 vot.

Hija kisbet 139 vot aktar mill-kwota u dan wassal biex tirbaħ din l-elezzjoni, filwaqt li ż-żewġ kandidati l-oħra kisbu total ta’ 101 u 57 vot rispettivament.

Għall-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew ikkontestaw ukoll Alice Kuhnke u Sira Rego.

F’diskors li tat qabel il-votazzjoni, Metsola wegħdet li jekk eletta tkun President li tibni l-pontijiet mhux biss bejn il-pajjiżi Ewropej imma wkoll bejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u dawk fil-madwar fejn hemm it-taqbid u l-gwerer.

Intant, ibieraħ filgħaxija l-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ ma’ Metsola waqt ċerimonja li fiha ġiet imfakkra l-memorja ta’ David Sassoli.

Hekk kif tħabbar li ġiet eletta, il-Prim Ministru ferħilha filwaqt li qal li jħares ‘il quddiem biex jaħdem flimkien magħha fuq prijoritajiet komuni.

Il-Partit Laburista awguralha ħidma pożittiva kemm fl-interess tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-interess ta’ Malta.

Il-President George Vella feraħ għall-kisba notevoli tagħha hekk kif ġiet eletta President tal-Parlament Ewropew.

Qal li din hija wkoll kisba importanti ħafna għal pajjiżna, li għal darba oħra ta prova li jekk ningħaqdu flimkien, id-daqs u l-pożizzjoni ġeografika tagħna mhux se jxekklu viżjoni u impenn sod.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fl-ewwel reazzjoni qal li Metsola hi xempju tal-istandards politiċi li jħaddan dan il-partit u konvint li se tkun qed tħares l-interessi tal-poplu Ewropew bħalma dejjem ħarset l-interessi tal-poplu Malti.

Metsola ġiet eletta għall-ewwel darba bħala MEP għall-Gżejjer Maltin lura fl-2013, u reġgħet ġiet eletta fl-2014 u l-2019. Hija ġiet eletta wkoll bħala l-Ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew f’Novembru 2020.

Ekonomija

Sport