Hekk kif ġiet fi tmiemha b’suċċess eċċezzjonali l-produzzjoni Chicago. Arthaus qed tirritorna bi produzzjoni kbira oħra din is-sena, għalkemm din id-darba d-Dar tal-Produzzjoni mhix se ttella’ musical ieħor. Minflok, se tirritorna b’verżjoni amplifikata ta’ ROCKWIRED!
Ċelebrazzjoni ta’ mużika rock se taħkem il-palk ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi f’Novembru, b’band ta’ 6 min-nies, orchestra b’34 strument, u kor ta’ ‘l fuq minn 60 persuna! B’kanzunetti rock klassiċi mis-snin 60, 70, 80, 90, u anke sal-ġurnata tal-lum, ROCKWIRED se jippreżenta verżjonijiet orkestrali ta’ wħud mill-aqwa kanzunetti ta’ artisti bħal Bon Jovi, Coldplay, Aerosmith, Scorpians, Evanescence, Linkin Park, Muse, Metallica, The Beatles, Green Day, Queen, u ħafna aktar.
Arthaus b’kollaborazzjoni ma’ The Palace String Orchestra u bl-appoġġ ta’ Rock’n Malta Fun, se jkunu qed iwasslu festa ta’ mużika fantastika live, fl-4 u 5 ta’ Novembru, bid-direzzjoni artistika ta’ Stefania Grech Vella, u b’arranġamenti mużikali u taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Ryan Paul Abela.
L-arranġamenti għall-kor qed isiru minn Paul Abela, filwaqt li Claire McCartin qed tmexxi l-kor. Bil-preżentazzjoni tal-attur rebbieħ ta’ diversi premji Steph Oliver, il-kunċert se jara wkoll numru ta’ solisti fosthom, Chris Grech, Klinsmann, Neville Refalo, Andre Portelli, Dion Farrell, Dorothy Borg Bonnici, Rachel Grech, Stephanie Chetcuti, Natassja Chapman u Jodi Zerafa Heckenliable. Il-produzzjoni se jkollha wkoll numru ta’ sorpriżi għall-udjenzi.
Il-President ta’ Arthaus Samantha Corrieri Dela esprimiet l-eċitament tagħha għal din il-produzzjoni, “Ninsabu kuntenti tassew li qed inwasslu t-tieni edizzjoni ta’ ROCKWIRED lill-pubbliku Malti! Tul l-istorja tal-produzzjonijiet ta’ Arthaus hemm diversi rock musicals u produzzjonijiet magħrufa bħala rock operas – għalhekk dak il-ġeneru diġà qiegħed f’qalbna. Hawn għatx għal kunċerti rock f’din il-gżira, u nittamaw li din il-produzzjoni tgħin taqta’ ftit minnu. Il-komunità ta’ artisti b’talent kbir li ngħaqdu magħna għal dan il-proġett, qed jaħdmu biex iwasslu ċelebrazzjoni ta’ mużika mill-isbaħ, armoija, kuluri u divertiment.”
ROCKWIRED se jittella’ f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta, fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2023, bir-rappreżentazzjonijiet jibdew fis-7.30pm. Il-prezzijiet tal-biljetti huma bejn l-€20 u t-€35 u jistgħu jinxtraw minn tickets.arthaus.mt. Din il-produzzjoni hija adattata għal udjenzi li għandhom 12-il sena ‘l fuq. Għal aktar informazzjoni dwar Arthaus, żur www.arthaus.mt.