Saturday, May 18, 2024

Ċelebrazzjoni ta’ magħmudija tinbidel fi traġedja fil-Messiku

Aqra wkoll

Ċelebrazzjoni ta’ magħmudija fi knisja Kattolika f’belt fit-Tramuntana tal-Messiku nbidlet fi traġedja meta waqa’ s-saqaf u qatel mill-inqas 10 persuni, fosthom tlett itfal. 60 persuna oħra weġġgħu, tal-anqas tnejn minnhom serjament, u għexieren intradmu taħt it-terrapien.

Il-kollass tas-saqaf seħħ il-Ħadd waranofsinhar hekk kif madwar 100 persuna kienu qed jattendu għall-magħmudija fil-knisja ta’ Santa Cruz f’Ciudad Madero.

Residenti tal-lokal ġrew minnufih lejn il-bini bil-pali u mnanar biex jippruvaw jeħilsu lil dawk maqbuda taħt it-tifrik. Timijiet ta’ ħaddiema tat-tiftix u s-salvataġġ waslu fuq il-post u żewġ krejnijiet bdew ħidma biex joħorġu n-nies minn taħt it-terrapien.

Briks, biċċiet tal-konkos, u strutturi ta’ appoġġ tal-azzar waqgħu fuq in-nies. Skont uffiċjali tas-Salib l-Aħmar is-saqaf niżel fuq il-bankijiet fil-knisja. Fil-ħidma ta’ salvataġġ intużaw kameras sofistikati biex jiżguraw li ma kien fadal ħadd qalb it-tifrik.

Għadu mhux ċar x’seta’ kkawża l-kollass tas-saqaf, iżda s-Sindku ta’ Ciudad Madero qal li x’aktarx kien minħabba difetti strutturali. Il-midja lokali rrapportat li waħda mill-persuni maqbuda taħt it-terrapein irnexxielha tibgħat messaġġ WhatsApp li għen lill-ħaddiema tas-salvataġġ isibuha.

Is-saqaf waqa’ f’mument ewlieni tal-funzjoni tal-magħmudija waqt li n-nies kienu qed iħejju għat-tqarbin. Ġie rappurtat illi fost il-mejtin hemm tifel żgħir u koppja ma’ binhom ta’ tmien snin.

Sport