Sunday, May 5, 2024

L-IPA tiċħad mal-2,650 applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali

… ritornati f’pajjiżhom 1,549 persuna li waslu Malta b’mod irregolari

Aqra wkoll

Mill-bidu tas-sena 2019 sat-28 ta’ Settembru 2023, l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali (IPA) ċaħdet madwar 2,650 applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ persuni li applikaw għad-dokumentazzjoni tal-ażil f’pajjiżna. Fl-istess perjodu (Jan. 2019 – Sett. 2023), 1,549 persuna li kienu waslu Malta b’mod irregolari ġew ripatrijati lejn pajjiżhom.

Dan it-tagħrif ħareġ minn tweġiba li ta l-Ministru Byron Camilleri għal diversi mistoqsijiet parlamentari li sarulu mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.
Il-Ministru Camilleri qal ukoll li bejn l-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena u Settembru li għadda, madwar 541 applikazzjoni ġew miċħuda u xejn inqas minn 408 persuna li kienu waslu Malta b’mod irregolari ġew ripatrijati lejn pajjiżhom.

Il-Ministru Camilleri żied jgħid li l-ammont ta’ applikazzjonijiet imsemmija, ma jfissirx neċessarjament li saru minn persuni differenti għaliex l-applikanti setgħu applikaw iktar minn darba u kellhom it-talba tagħhom miċħuda iktar minn darba.

L-għadd ta’ persuni li bħalissa qed ifittxu ażil f’pajjiżna u li m’għandhomx dokumentazzjoni u li applikaw għall-ewwel darbu huwa ta’ 546 persuna, filwaqt li 95 oħra reġgħu applikaw għall-ażil.

Sport