Wednesday, December 25, 2024

Rodri jirbaħ il-Ballon D’Or 2024

Aqra wkoll

F’ċerimonja li saret f’Theatre du Chatelet, f’Pariġi, organizzata minn France Football taħt l-awspiċi tal-FIFA,  l-attakkant internaz­zjonali Spanjol ta’ Manchester City, Rodrigo Hernandez Cascante, magħruf bħala Rodri, rebaħ il-Ballun tad-Deheb. 

Din is-serata ġiet ippreżentata mill-eks player ta’ Chelsea, Didier Drogba u l-ġurna­lista Sandy Heribert.

Bħalissa Rodri, 28 sena, qed jirkupra minn injury fil-ligamenti tal-cru­ciate iżda fl-istaġun li għadda huwa għen lil Manchester City jirbħu l-Premier League għar-raba’ darba konsekuttiva filwaqt li fis-sajf għen ukoll lil Spanja jirbħu l-Euro 2024. 

Fit-tieni u fit-tielet postijiet spiċċaw il- players ta’ Real Madrid, il-Brażiljan Vinicius Jr u l-Ingliż Jude Bellingham.

Sadanittant, il-kamp ta’ Real Madrid ibboj­kottja din iċ-ċerimonja meta sar magħruf li l-premju kien se jingħata lil Rodri u mhux lil Vinicius Jr.  

Il-Ballun tad-Deheb jivvutaw għa­lih 100 ġurnalist  minn dawk il-pajjiżi li huma rrankjati fl-ogħla livelli  tal-FIFA.

Ta’ nota huwa l-fatt li għall-ewwel darba f’20 edizzjonijiet, il-Portugiż Cristiano Ro­naldo u l-Arġentin Lionel Messi, ma kienux fil-lista mqassra ta’ 30 player.  

Messi (bi tmienja) u Ronaldo (ħamsa) ilhom jiddominaw dan il-konkors iżda issa l-era tagħhom ġiet fi tmiemha. 

Fl-unuri l-oħra, iż-żagħ­żugħ internazzjo­nali Spanjol ta’ Barcelona, Lamine Yamal,  rebaħ il-Kopa Trophy li ġiet ippreżentata mill-Olandiż, Ruud Gullit.

Huwa kien segwit mit-Tork ta’ Real Mad­rid, Arda Guler, u l-Ingliż ta’ Manchester United, Kobbie Mainoo.  

Real Madrid  rebħu l-unur tal-Aqwa Club wara li rebħu l-UEFA Champions League u l-Kampjonat Spanjol.  

Il-goalkeeper Arġentin ta’ Aston Villa, Emiliano Martinez, rebaħ il-Yashin Trophy.

L-Ingliż Harry Kane ta’ Bayern Munich u  l-Franċiż Kylian Mbappe ta’ Paris SG (illum ma’ Real Madrid), rebħu l-Gerd Muller Trophy bħala l-Aqwa Skorers tal-istaġun li għadda … bi 52 goals fil-kompetizzjoijiet kollha. 

It-Taljan Carlo Ancelotti (Real Madrid) u l-Ingliż Emma Hayes (Stati Uniti/Chelsea) reb­ħu l-unur tal-Aqwa Coaches maskili u femminili rispettivament. 

L-attakkanta Spanjola tat-team Messikan Tigres UANL, Jennifer Hermoso, rebħet is-Socrates Award wara li għamlet xogħol umanitarju mill-aktar eżemplari. 

L-attakkanta Spanjola ta’ Barcelona, Aitana Bonmati, rebħet il-Ballon D’Or tan-Nisa, fejn rebħet il-UEFA Champions League u l-Kampjonat Spanjol … għat-tieni sena konsekuttiva … wara li għamlet dan il-kollega tagħha Ale­xia Putellas fis-sentejn preċedenti. 

Finalment it-team ta’ Barcelona tan-Nisa rebaħ l-unur tal-Aħjar Club tas-Sena wara li reb­ħu l-UEFA Champions League u l-Kampjonat Spanjol. 

Ekonomija

Sport