Friday, October 4, 2024

Romol ta’ persuni fil-korpi intitolati għall-pensjoni tas-servizz

Aqra wkoll

Il-Gvern ser ikun qed jagħti pensjoni tas-servizz lill-persuni romol t’eks membri tal-korpi dixxiplinati li jkunu ġew nieqsa qabel jagħlqu l-25 sena servizz jew fi żmien bejn l-għeluq tas-servizz u l-età tal-pensjoni. Permezz ta’ din il-miżura, li kienet ukoll wegħda elettorali tal-Partit Laburista, dawn il-persuni romol se jibdew jieħdu bejn tliet u ħames snin tal-pensjoni tas-servizz.

Il-bżonn ta’ dan il-mekkaniżmu kien ilu jinħass, u ser iservi ta’ inċentiv u jagħti aktar wens lill-familjari tal-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati fl-aktar mumenti ta’ sfida, kif ukoll sabiex jagħti ġieħ għas-servizz li jkun għamel uffiċjal f’korp dixxiplinat. Dan filwaqt illi jservi ta’ garanzija għall-pensjoni tas-servizz lill-armla jew l-armel skont il-każ.

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet, nhar l-Erbgħa filgħodu, mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, flimkien mal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, fl-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati, f’Ta’ Kandja.

Permezz ta’ dan il-mekkaniżmu ġdid ser tibda tingħata pensjoni tas-servizz lill-armla jew l-armel, skont is-snin ta’ servizz li l-uffiċjal li jkun miet ikun serva (mill-anqas 10 snin), iżda skont il-proporzjon li fuqu tinħadem il-pensjoni tar-romol taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali sa massimu ta’ ħames snin.

F’każ fejn uffiċjal imut fl-għomor ta’ 55 sena u jkun għamel 25 sena servizz, l-armla jew armel tingħata pensjoni tas-servizz għal ħames snin sħaħ. Jekk persuna tmut fl-għomor ta’ 60 sena jew tirtira wara li tkun għamlet 25 sena servizz, l-armla jew armel tingħata pensjoni tas-servizz għal ħames snin sħaħ. F’każ fejn uffiċjal imut fl-għomor ta’ 62 sena u jkun għamel 25 sena servizz, l-armla jew armel tingħata pensjoni tas-servizz għal tliet snin.

S’issa, dawk l-uffiċjali li jmutu qabel ma jagħlqu l-25 sena servizz inkella fil-perijodu bejn l-għeluq tas-snin tas-servizz u l-età tal-irtirar, ma kinux qed jibbenefikaw minn ebda protezzjoni finanzjarja għas-servizz li wettqu ħlief inċentivi finanzjarji. L-eċċezzjoni kienet dawk li jkunu mietu b’rabta diretta mal-funzjoni tal-qadi ta’ dmirijiethom.

Il-Ministru Michael Falzon qal illi dan il-Gvern kien, għadu, u se jibqa’ r-ruħ soċjali ta’ dan il-pajjiż sabiex jgħin u jtejjeb il-ħajja tan-nies b’mod konsistenti. Spjega kif għal darb’oħra se jkun qed jingħata rikonoxximent xieraq lil persuni li jaħdmu fis-servizz, fejn sena wara oħra dawn il-persuni komplew jibbenefikaw minn benefiċċji mtejba u li jagħti aktar stabbilità fit-tul.

‘‘Aħna qegħdin hawn biex nagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies, sabiex noħolqu ġustizzja soċjali ma’ dawk l-aktar vulnerabbli filwaqt illi nagħtu aktar enerġija pożittiva. Dan il-Gvern kommess illi jkompli jbiddel dak li ħaddieħor m’għamilx għal snin sħaħ. Il-kritika u l-attakki personali mhux ser jaqtgħulna qalbna iżda ser jimlewna b’aktar kuraġġ sabiex inwettqu dejjem aktar u nħallu timbru pożittiv fil-ħajja tan-nies’’, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Sport