Saturday, May 18, 2024

Sitt żgħażagħ iressqu 32 pajjiż il-qorti dwar it-tibdil fil-klima

Aqra wkoll

Sitt żgħażagħ Portugiżi li l-età tagħhom tvarja bejn il-11 u l-24 sena, fosthom tliet aħwa, fetħu kawża kontra 32 gvern, inklużi l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit, in-Norveġja, ir-Russja, l-Iżvizzera u t-Turkija għan-nuqqas tagħhom milli jieħdu azzjoni suffiċjenti dwar it-tibdil fil-klima.

Huma qed jakkużaw lill-istess pajjiżi talli ma naqqsux l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom biżżejjed biex jilħqu l-mira tal-Ftehim ta’ Pariġi li jillimitaw it-tisħin globali għal 1.5°C.

Il-każ huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu li ġie ppreżentat fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) fi Strasburgu. Jekk il-kawża tirnexxi, jista’ jkollha konsegwenzi legali għall-gvernijiet involuti. L-ewwel seduta fil-każ għandha ssir nhar l-Erbgħa li ġej.

Is-sitt żgħażagħ argumentaw li n-nirien fil-foresti li seħħew fil-Portugall kull sena mill-2017 ‘l hawn huma riżultat dirett tat-tisħin globali. Huma jsostnu li d-drittijiet fundamentali tagħhom tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-ħajja, il-privatezza, il-ħajja tal-familja u li jkunu ħielsa mid-diskriminazzjoni qed jiġu miksura minħabba azzjonijiet nofs kedda tal-gvernijiet biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima.

Argumentaw ukoll li huma diġà qed jesperjenzaw impatti sinjifikanti, speċjalment minħabba temperaturi estremi fil-Portugall li ġegħluhom iqattgħu ħin ġewwa u jirrestrinġu l-abbiltà tagħhom li jorqdu, jikkonċentraw jew jagħmlu xi eżerċizzju. Xi wħud ibatu wkoll minn ekoansjetà, allerġiji u kundizzjonijiet respiratorji, inkluż l-ażma.

L-ebda wieħed miż-żgħażagħ ma hu qed ifittex kumpens finanzjarju, iżda qalu li fetħu l-kawża għaliex iridu dinja ħadra mingħajr tniġġis u għaliex iridu futur aħjar fejn igawdu saħħithom. 

L-avukati li qed jirrappreżentaw lis-sitt żgħażagħ mistennija jargumentaw fil-qorti li bil-politika attwali tagħhom, it-32 gvern qed ipoġġu lid-dinja fit-triq għal °C ta’ tisħin globali sal-aħħar tas-seklu. Fil-fatt, il-Global Legal Action Network (GLAN) li qed jappoġġja lis-sitt żgħażagħ, iddikjara li mingħajr azzjoni urġenti mill-gvernijiet, il-popli se jiffaċċjaw estremitajiet ta’ sħana insopportabbli li jagħmlu ħsara lis-saħħa u l-benesseri tagħhom. 

Studju tal-ġurnal mediku ‘Lancet’ tal-2021 sab li l-ansjetà klimatika u n-nuqqas ta’ sodisfazzjon bir-risponsi tal-gvernijiet għat-tibdil fil-klima kienu mifruxa fost it-tfal u ż-żgħażagħ madwar id-dinja u kellhom impatt fuq il-funzjonament tagħhom ta’ kuljum. Ibbażat fuq stħarriġ ta’ 10,000 tifel u tifla u żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-25 sena f’10 pajjiżi madwar id-dinja, l-istudju ssuġġerixxa li l-falliment mill-gvernijiet biex jirrispondu għall-kriżi tal-klima kien assoċjat ma’ żieda fit-tbatija.

F’risposti separati u konġunti għall-każ, il-gvernijiet qed jargumentaw li fil-kawża li fetħu, iż-żgħażagħ ma stabbilixxewx biżżejjed li sofrew xi tbatija bħala konsegwenza diretta tat-tibdil fil-klima jew in-nirien mifruxa Portugiżi.

Huma jsostnu li m’hemm l-ebda evidenza li turi li t-tibdil fil-klima joħloq riskju immedjat għall-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, u argumentaw ukoll li l-politika dwar il-klima hija lil hinn mill-ambitu tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Dawn is-sitt żgħażagħ mill-Portugall, li huma individwi ordinarji mħassba dwar il-futur tagħhom, se jkunu qed jiffaċċjaw 32 tim legali u mijiet ta’ avukati li jirrappreżentaw gvernijiet li n-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom diġà qed tagħmlilhom il-ħsara lilhom stess.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, Dunja Mijatovic, li intervjeniet fil-każ bħala parti terza, temmen li dan il-każ għandu l-potenzjal li jiddetermina kif l-istati jindirizzaw kwistjonijiet dwar il-klima u d-drittijiet tal-bniedem.

Is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem torbot legalment lit-32 gvern f’daqqa biex iżidu l-azzjonijiet tagħhom dwar il-klima billi jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jneħħu gradwalment l-użu tal-fossil fuels.

Is-sentenza tinfluwenza wkoll il-qrati domestiċi, l-aktar lil dawk li kienu qed ifittxu gwida mill-ECHR, dwar każijiet relatati mat-tibdil fil-klima. Il-verdett huwa mistenni fi żmien disa’ sa 18-il xahar.

Sport