Monday, May 6, 2024

Id-Divin, il-Marokk, il-Libja u Malta

Jikteb FRANS GHIRXI

Aqra wkoll

Xokkanti, tat-twerwir, tal-biki, huma l-filmati u r-ritratti li rajna u għadna qegħdin naraw dwar id-diżastri naturali li kkawżaw traġedja enormi fil-Marokk u fil-Libja f’temp ta’ ftit ġimgħat, bl-aktar riċenti dak tal-Libja. Iċ-ċifri, eluf, ta’ persuni li tilfu ħajjithom f’dawn iż-żewġ traġedji dejjem jiżdiedu. B’eluf oħrajn għadhom rappurtati bħala mitlufin. Aktar iva milli le, mejtin ukoll. Apparti l-ħsarat enormi strutturali. Binjiet kbar, toroq, eluf u eluf ta’ residenzi… kollox meqrud.

Xtaqt illum nitratta xi ħaġa li verament dejqitni meta bdejt nara ċerti konklużjonijiet fuq il-famuż Facebook, partikolarment wara d-diżastru, it-traġedja, fil-Libja. Traġedja kawżata mill-fenomenu tal-klima li ngħata l-isem ta’ ‘Storm Daniel’.

Il-punt tat-tluq tal-argument tiegħi huwa li f’dawk il-jiem (il-ġimgħa tal-Vitorja) it-tbassir tat-temp kien jgħid li konna se nintlaqtu minn maltemp mhux ħażin, inkluż xita. Tant li tħassru diversi attivitajiet, primarjament kawża ta’ riħ qawwi. Madankollu varjazzjoni, żgħira jew kbira, li kien hemm fit-temp wasslet biex lilna ‘Daniel’ laqatna kemxejn b’denbu. Mhux hekk il-Libja. Il-Libja ġara dak li ġara u li l-konsegwenzi tiegħu għadna qegħdin narawhom.

U hawn il-qofol tal-punt li rrid nagħmel. Fejn jidħol, jew aħjar fejn iddaħħal id-Divin. Facebook faqgħuh. Min jgħid li Alla għandu ‘soft spot’ għalina. Min jgħid li l-Madonna ħelsitna minn dan id-diżastru fl-okkażjoni tal-festa tagħha. U min isemmi l-interċessjoni ta’ dak jew tal-ieħor. Insomma, ruxxmata konklużjonijiet ta’ din ix-xorta. Imbagħad, ovvjament, kien hemm anke reazzjonijiet.

L-aktar reazzjonijiet komuni kienu dawk li għamlu mistoqsija, ngħid jien naturali: Jekk il-Mulej, il-Madonna, lilna ħelsuna minn diżastru u traġedja bħal dik, għaliex il-poplu Libjan kien ħaqqu mod ieħor? Għaliex kien ħaqqu dak li laqtu? Għaliex kien ħaqqhom hekk il-Marokkini li spiċċaw mirdumin ħajjin taħt dawk li kienu djarhom fit-terremot li laqathom?

Dawk li waslu għall-konklużjoni li kien l-element Divin li skansalna kollox ma jaħsbux li bil-konklużjoni tagħhom qegħdin jattribwixxu diskriminazzjoni mid-Divin fil-konfront ta’ dawk milqutin? Għaliex lilna le u lill-oħrajn iva? Mela dawk mhux umani bħalna? Mela dawk mhux familji kienu? Mela dawk mhux għall-kwiet ta’ darhom kienu? Ma taħsbux li jkun ferm aħjar kieku naraw kif nistgħu ngħinu aktar lil dawk milqutin, kif diġà qegħdin jagħmlu dawk li jiffurmaw il-kontinġent Malti li mar il-Libja?

Sinċerament nistenna li anke l-awtoritajiet tal-Knisja għandhom jispjegaw, jgħallmu li d-Divin ma jiddiskriminax. Li d-Divin qiegħed hemm għal kulħadd, irrelevanti minn xi twemmin għandek u xi twemmin tipprattika.

Kont taf li….
L-iskandlu taż-żejt taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista ilu quddiem il-Qorti aktar minn 10 snin. Skandlu li heżżeż Gvern u litteralment kien qed ifalli u jniġġeż pajjiż. Possibbli li għandu jgħaddi daqstant żmien biex finalment jingħad li dan huwa kapitlu magħluq fl-istorja ta’ Malta? M’hawn ħadd min hu responsabbli jgħid x’ikkawża u x’għadu qed jikkawża daqstant dewmien?

Ħadd ma jgħaddilu minn moħħu li sitwazzjoni bħal din ma tirrifletti xejn għajr nuqqas ta’ ġustizzja fil-konfront tal-pajjiż, fil-konfront tal-persuni li hemm akkużati quddiem il-Qorti u fil-konfront taċ-ċittadin li b’detriment għal saħħtu u flusu kienet għaddejja xalata galore? Ħadd ma jirrealizza li affarijiet bħal dawn ikomplu joskuraw ir-reputazzjoni diġà xejn sabiħa li għandhom il-Qrati Maltin?

X’qed jikkawża dan id-dewmien? Huwa nuqqas min-naħa tal-Prosekuzzjoni? X’inhu l-kontribut tad-Difiża għal dan id-dewmien? Jista’ xi ħadd jgħidilna kemm-il seduta saret quddiem il-Qorti dwar dan il-każ? Kemm-il differiment kien hemm u fuq talba ta’ min? F’liema stadju jinsab il-każ? Jista’ xi ħadd jgħidilna S’ISSA kemm sewa flus lill-pajjiż dan il-proċess?

Aktar minn sena ilu minn din il-paġna, il-Ħadd 17 ta’ Lulju 2022, kont ressaqt ilment ta’ qarrej dwar il-fatt li latrini pubbliċi fil-Belt kienu ilhom żmien twil magħluqin. Fit-28 ta’ Mejju li għadda rrimarkajt li s-sitwazzjoni kienet għadha l-istess. Fil-jiem li għaddew l-istess qarrej reġa’ ġibidli l-attenzjoni li l-latrini għadhom magħluqin.

Ħadd m’għandu jħossu offiż jekk ngħidu li din hija sitwazzjoni tal-mistħija. Xi raġuni hemm għaliha. Il-latrini pubbliċi li qegħda ssir referenza għalihom jinsabu fi Triq Melita, kantuniera ma’ Triq il-Merkanti; f’dik magħrufa bħala Strada Karri, triq dejqa li tgħaqqad Triq ir-Repubblika, quddiem iċ-Ċentru Laburista, ma’ Strada Stretta, u dik f’Marsamxett.

Sa qabel ingħataw lill-privat, aktar minn 10 snin ilu, dawn il-latrini pubbliċi kienu jieħdu ħsiebhom ħaddiema tal-Gvern. Ingħataw lill-privat, sar titjib strutturali fihom u l-użu tagħhom sar bi ħlas. Maż-żmien iż-żamma tagħhom bdiet taqa’ lura fil-livell u kien deċiż li jingħalqu.

Imma sal-jiem li reġa’ għamel kuntatt miegħi l-qarrej ma jidhirlix li ngħatat xi spjegazzjoni għala sar hekk. Possibbli li mhux ta’ interess pubbliku li jingħad kif latrini pubbliċi fil-belt kapitali tagħna ilhom dan iż-żmien kollu magħluqin? Għaliex dan in-nuqqas ta’ trasparenza? Ma tafux li nuqqas ta’ trasparenza jwassal biss għal spekulazzjonijiet u konklużjonijiet? L-awtoritajiet tas-Sanità ma jidhrilhomx li għandhom jgħidu x’ġara?

Il-Kunsill Lokali tal-Belt ma jħossux stramb li jibqa’ mutu, għama u trux quddiem tali sitwazzjoni? Għaliex ħafna daqq ta’ trombi meta ssir xi ħaġa tajba u skiet ta’ qabar meta l-affarijiet ma jkunux sejrin sew? Possibbli taħsbu li n-nies dawn l-affarijiet ma jinnotawhomx?

Sport