Saturday, May 4, 2024

Baġit li se jħares lejn prijoritajiet u sfidi li l-Gvern irid jindirizza

Jitnieda d-dokument ta’ qabel il-Baġit 2024

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Baġit 2024 li se jiġi ppreżentat fit-30 ta’ Ottubru li ġej se jħares lejn il-prijoritajiet u l-isfidi li l-Gvern irid ikompli jindirizza f’diversi oqsma. L-aktar ħaġa importanti tibqa’ l-għaqal fit-tmexxija tal-finanzi tal-pajjiż.

Iddikjara dan il-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha nieda d-dokument ta’ qabel il-baġit għall-konsultazzjoni pubblika.

Il-Ministru Caruana beda biex qal li l-perspettiva ta’ dan l-eżerċizzju matul iż-żmien qed ikompli jieħu xejra differenti, u dan minħabba li r-realtajiet ta’ madwarna qed jinbidlu bil-kbir.

Huwa sostna li l-attenzjoni li qed tingħata hi dwar kif pajjiżna se jkun qiegħed jippożizzjona ruħu meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra fuq diversi temi.

“Irridu nibdew naħsbu li l-baġit mhuwiex xi eżerċizzju biss li se nkunu qed nagħmluh għalina. Imma jrid isir sabiex jipprepara lill-pajjiż għall-isfidi li għandna,” qal il-Ministru Caruana.

Id-dokument ta’ qabel il-baġit juri kif fl-2022, Malta rreġistrat it-tieni l-akbar rata ta’ tkabbir fl-Unjoni Ewropea, dik ta’ 6.9%, li hija aktar mid-doppju tat-tkabbir medju fl-UE. Għall-2024, pajjiżna jidher li se jibqa’ jkollu rata ta’ tkabbir ta’ madwar 4%.

Il-Ministru Caruana tkellem ukoll dwar is-suq tax-xogħol u qal li dan il-pajjiż irnexxielu jasal fejn wasal għaliex dan is-settur żviluppa, kiber u mmatura. “Mhux biss żdiedu n-nies jaħdmu fis-suq tax-xogħol, għal diversi raġunijiet, imma aktar minn hekk, għax anke l-kwalità tal-istess ħaddiema b’aktar ħiliet kompliet titjieb.”

Illum f’pajjiżna għandna 80% ta’ dawk in-nies li għandhom bejn 20 u l-64 sena qegħdin fis-suq tax-xogħol. Dan filwaqt li 10 snin ilu, ir-rata kienet ta’ 62%. “Dan it-tragward li rnexxielna nilħqu kien possibbli għax f’10 snin saru miżuri sostanzjali u ttieħdu d-deċiżjonijiet.

“Il-mod ta’ kif pajjiżna indirizza l-istruttura soċjali ħadem u kif. F’dik li hija parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, qbiżna l-medja Ewropea,” kompla jgħid il-Ministru Caruana. Barra minn hekk, pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea.

Dwar l-inflazzjoni huwa nnota li hu minnu li din ir-rata f’pajjiżna rnexxielna sa ċertu punt nilqgħulha ħafna, u dan anke permezz tas-sussudji fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwls. Sostna li l-inflazzjoni f’pajjiżna hi ta’ madwar 5%.

“L-inflazzjoni mistennija tonqos għal 3.7% fl-2024. Qed naraw li l-inflazzjoni terġa’ tasal fil-livelli ta’ 2% fl-2025,” qal il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol.
Meta kien qed jitkellem dwar id-dħul tal-Gvern, huwa semma kif fl-2022, iż-żidiet fil-komponenti kollha tat-taxxa ġew irreġistrati mit-turiżmu u ż-żieda fid-domanda domestika, profitti korporattivi qawwija u t-tkabbir qawwi fl-impjiegi. Apparti hekk, id-dħul mit-tassazzjoni kompla jiżdied.

Id-defiċit waqt il-pandemija kien ta’ kważi 10%. Bil-mod il-mod dan qiegħed jonqos u t-tbassir għas-sena d-dieħla huwa li se jkun fil-livell ta’ 4.5%.
“Nemmen bis-sħiħ li jrid ikun hemm għaqal sħiħ fit-tmexxija tal-finanzi tal-pajjiż, li d-defiċit ikompli jonqos b’mod gradwali. Naqbel ma’ dak li qed tagħmel il-Kummissjoni Ewropea għax irid ikun hemm l-għaqal. Stajna nagħmlu li qed nagħmlu għax il-finanzi tal-pajjiż kienu b’saħħithom.”

“Irridu naraw li d-defiċit f’pajjiżna ikompli jonqos. Irridu naslu eventwalment għall-mira ta’ 3%, però b’mod gradwali. L-ekonomija m’għandhiex bżonn xokkijiet… hemm biżżejjed sfidi imma l-gvern irid ikun bilgħaqal huwa wkoll,” tenna l-Ministru Caruana.

Innota wkoll id-dejn f’pajjiżna baqa’ taħt is-60% u huwa antiċipat li se jibqa’ f’dawn il-livelli fis-snin li ġejjin.

Finalment, il-Ministru Caruana enfasizza li: “nibqa’ ntenni u nħambaq illi dan l-għaqal irid jibqa’ hemm biex kif meta kien hemm bżonn jittieħdu d-deċiżjonijiet ħalli nsalvaw il-ħajjiet u l-postijiet tax-xogħol, jekk għada pitgħada jkun hemm bżonn deċiżjonijiet bħal dawk, inkunx jien jew ħaddieħor, ikun jista’ jieħu dawk id-deċiżjonijiet ukoll.”

Sport