Wara li l-ġimgħa li għaddiet il-Bank APS, li kien meqjus minn ta’ quddiem nett fl-akkwist tal-HSBC, irtira l-interess tiegħu, sar magħruf li t-tellieqa issa hija bejn tliet offerenti. Dan wara li l-fintech Ġermaniża RS2 tefgħet l-offerta tagħha.
Kif irrappurtat minn sorsi fil-midja lokali, RS2 ikkonfermat li kienet mistiedna tissottometti offerta għall-akkwist tal-HSBC Malta. Jekk l-offerta tagħha tirnexxi, il-kumpanija tgħid li għandha pjanijiet ambizzjużi mhux biss li żżomm l-operat kollu lokali u l-impjegati ta’ HSBC Malta iżda wkoll li ġġib lura l-isem u l-marka emblemika tal-Mid-Med Bank, li kienu tneħħew gradwalment aktar minn għoxrin sena ilu wara li l-HSBC ħa il-kontroll fl-tal-Bank fl-1999.
L-RS2 ma hix isem ġdid għas-suq Malti. Il-kumpanija kienet preżenti b’mod qawwi lokalment għal aktar minn 30 sena, u impjegat madwar 200 ruħ fil-kwartieri ġenerali tagħha fil-Mosta u l-uffiċċju ta’ Għawdex.
Minkejja li riċentement il-prezz tal-ishma tagħha waqa’, b’danakollu għadha attur sinifikanti fil-qasam tal-ipproċessar tal-ħlasijiet, u ismijiet ewlenin bħal Worldpay, SumUp, Swedbank, Banca Intesa, u Barclays huma fost il-klijenti globali tagħha.
Huwa mifhum li l-proposta ta’ RS2 tagħmel wegħdiet kuraġġużi, fosthom li ma tnaqqasx l-impjiegi, l-ebda għeluq ta’ fergħat, u ż-żamma sħiħa tal-ATM u l-infrastruttura kollha tal-HSBC.
Skont kelliemi għall-RS2, l-għan hu li żżid u mhux li tnaqqas l-operat. Il-kumpanija madankollu ma żvelatx kif qed tippjana li tiffinanzja l-akkwist iżda tinsisti li l-finanzjament għal offerta kompetittiva huwa diġà fis-seħħ.
RS2 li huwa r-raba’ korp li tefa offerta għall-HSBC Malta, ħareġ bħala konkorrent b’saħħtu ħafna issa li l-Bank APS, li kien meqjus bħala ta’ quddiem nett, irtira l-interess tiegħu l-ġimgħa li għaddiet. Il-kompetituri li fadal, minbarra l-RS2, jinkludu l-ġgant bankarju Ungeriż OTP u konsorzju lokali ta’ negozji.