Il-midfielder tal-Portugall, Ruben Neves, qal pubblikament li qed jittama li d-dimostrant Taljan li daħal fil-ground b’bandiera tal-qawsalla waqt ir-rebħa tat-team tiegħu fuq l-Urugwaj bl-iskor ta’ 2-0, jingħata l-ħelsien mill-awtoritajiet tal-Qatar.
Mario Ferri, jew kif inhu magħruf fl-Italja The Falcon, fit-tieni taqsima daħal fil-Lusail Stadium bil-bandiera tal-qawsalla, liebes flokk li kellu miktub fuqu ‘Save Ukraine’ u ‘Respect Iranian Women’.
Ferri huwa magħruf għall-invażjonijiet tiegħu fil-grounds u għażel li jieħu din il-pożizzjoni f’dan tournament bħala solidarjetá mal-LGBT.
Dan minħabba li l-omosesswalità hija illegali fil-Qatar, bi protesti kontra d-diskriminazzjoni ġew imrażżna mill-awtoritajiet lokali qabel it-Tazza tad-Dinja.
“Nafu x’ġara qabel din it-Tazza tad-Dinja,” qal Neves wara l-partita. “Hija ħaġa normali li tista’ tiġri. Naturalment, aħna lkoll magħhom u l-messaġġ fuq il-flokk tiegħu wkoll. Nittamaw li ma jiġri xejn lil din il-persuna għax nifhmu l-messaġġ tiegħu u naħseb li d-dinja kollha fehmitha wkoll.”