Wednesday, April 24, 2024

Fl-interrogazzjoni Roderick jgħid biss li ddispjaċieh għal li ġralha Bernice

Aqra wkoll

Illum se tibda tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Roderick Cassar ta’ 42 sena li jinsab mixli bl-omiċidju-femiċidju ta’ martu Bernice. Id-delitt seħħ nhar it-Tlieta 22 ta’ Novembru li għadda, fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin.

L-allegat aggressur kien spara minn tal-inqas tliet tiri bi tnejn minnhom jolqtu lill-vittma, wieħed f’wiċċha u l-ieħor f’sidirha. L-arma użata kienet senter.

Roderick Cassar qed jiġi mixli wkoll li żamm lill-vittma kontra tagħha, uża vjolenza morali u psikoloġika fuqha, u li kellu arma mingħajr permess. Akkużi oħra kontrih jgħidu li seraq il-mobile u ċ-ċwievet tal-karozza tal-vittma, u li għamel ħsara fuq l-istess vettura. 

Huwa qed ikun akkużat ukoll li kiser ordni tal-Qorti, hedded raġel ieħor, kiser il-paċi pubblika, m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija, li ta fastidju lill-vittma u li kien qed isegwi l-passi tal-vittma bil-moħbi. 

Għal dawn l-akkużi kollha, huwa qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Jibda jixhed l-Ispettur Wayne Camilleri

Beda jixhed l-Ispettur Wayne Camilleri stazzjonat l-Iskwadra ta’ Kontra l-Omiċidji li qal li nhar it-22 ta’ Novembru 2022, għall-ħabta tat-8.00 a.m., irċieva telefonata mill-control room tal-pulizija, li kienu qed jidħlu diversi telefonati possibilment li hemm persuna femminili li qalgħet xi tiri u tinstab bla ħajja fl-inħawi taż-Żona Industrijali ta’ Kordin.

Qal li hu mar minnufih fuq il-post u li mal-wasla tiegħu sab ix-xena diġà kienet preservata u t-triq magħluqa bil-police tape. Innota li kien hemm vettura Nissan Qashqai fin-nofs, u biswit il-vettura fuq in-naħa tat-tyre ta’ wara kien hemm katavru ta’ mara. Tkellem ukoll dwar il-fatt li fuq il-post kien hemm ħafna dmija.

Il-karozza kellha l-bibien ta’ quddiem u ta’ wara tan-naħa tax-xufier li kienu miftuħa u t-tieqa tal-bieba ta’ quddiem kienet imkissra kollha. Rigward il-vittma, l-Ispettur qal li kellha żgur tir f’sidirha u ieħor f’wiċċha, x’aktarx magħmulin minn xi shotgun u sparati f’distanza qasira ħafna. Fuq il-post kien hemm xi skrataċ mal-art.

Kollegi jindikaw lir-raġel tal-vittma bħala suspettat involut

Fil-post kien hemm grupp ta’ nies li bdew jgħidu li huma kienu kollegi tal-vittma. Sar magħruf li l-katavru ġie identifikat li kien ta’ Bernice Cassar ta’ 40 sena. Il-Pulizija kompliet bil-verifiki tagħha u sabet ukoll li l-karozza kienet tgħajjat lilha.

Dawn in-nies bdew jgħidu lill-Pulizija li r-raġel tagħha aktarx kien involut u li dan kien jagħmlilha ħajjitha diffiċli. Qalu wkoll li dan l-aħħar hija ma kinitx baqgħet tgħix miegħu. 

Dawn in-nies qalu wkoll li kien niżel raġel irrabjat u li għall-ewwel kien maħsub li kien inċident tat-traffiku. Setgħu jinnotaw li dan ir-raġel kien irrabjat u sar vjolenti mal-vittma. Sar ukoll xi tgħajjir sakemm sar aktar vjolenti u beda jweġġagħha. Minn hemm huwa mar ġab arma mill-karozza tiegħu u taha tliet tiri.

Biża’ minħabba t-tfal…

L-Ispettur kompla biex jixhed li xi nofsiegħa wara rċieva informazzjoni mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija li kien hemm unit tal-RIU li bdew jagħmlu patrol fiż-żona ta’ fejn kien qed joqgħod is-suspettat. Hemm instabet il-karozza tiegħu, Toyota Ractis, li possibilment kienet l-istess waħda li ntużat.

Qal li telaq mix-xena tad-delitt u mar fi Triq il-Kartaġiniżi, il-Qrendi fejn kien hemm il-karozza tiegħu. Mal-wasla tiegħu hemmhekk kien hemm diversi units tal-RIU u tim tal-SIU li kienu għamlu diġà risk assesment. Huma ħadu ħsieb ukoll li jagħlqu t-triq minn fuq sa isfel minħabba li f’dak l-istadju kien hemm possibiltà kbira li s-suspettat Roderick Cassar kien jinsab ġewwa. 

L-akbar problema li kellha l-pulizija kienet rigward it-tfal. Sa dak il-ħin ma kinux jafu fejn qegħdin it-tfal. Il-Pulizija stħarrġet fejn imorru skola u kif kellha l-konferma li dawn kienu l-iskola, setgħu jgħidu li s-suspettat kien qiegħed waħdu. 

Roderick baqa’ jinsisti li ma riedx imur l-ħabs … talab lill-Pulizija jisparaw fuqu

Issejjaħ fuq il-post tim ta’ negozjaturi mmexxi mill-Ispettur Omar Zammit li beda jagħmel kuntatt ma’ Roderick Cassar fuq il-mobile tiegħu. Kienet sitwazzjoni delikata ħafna li damet mid-9.00 a.m. sas-2.00 a.m. tal-għada. 

L-Ispettur qal li kienet sitwazzjoni delikata ħafna dik tan-negozjati u li kien hemm bosta telefonati bejn in-negozjatur u s-suspettat. Roderick kien ikkonferma li l-arma kienet għadha għandu u li kien waħdu. Roderick Cassar kien ta’ sikwit isemmi li kien qed jikkontempla suwiċidju u jitlob lill-pulizija jisparaw fuqu. Baqa’ jinsisti li ma jridx imur il-ħabs u biex il-pulizija jitilqu ‘l hemm. Il-Pulizija saret taf li r-residenza tiegħu kienet tinsab fit-tieni sular u kien ħuh stess li kkopera mal-Pulizija u għaddhielhom ċ-ċavetta tal-entrata prinċipali tal-komun.

Aktar dwar l-arrest …

L-uffiċjali tal-SIU pproċedew għat-tieni sular, sabu bieb imsakkar, kien hemm diversi attenti biex jinfetaħ imma kien imbarrat sew tant li kellhom jagħtu xi tiri fuq is-sellatura sakemm infetaħ. Roderick beda jingħata ordnijiet biex joħroġ u deher li kien għadu fil-kamra tas-sodda. Il-pulizija kompliet tagħtih diversi ordnijiet biex jikkopera u x’għandu jagħmel. Kif deher ħiereġ mill-bieb, Roderick kien għadu bis-shotgun f’idu. Għollih ’il fuq u meta ntalab iniżżlu, huwa kkopera u għamel kif indikat lilu. Deher imbeżża’ ħafna iżda baqa’ jobdi l-ordnijiet u ħareġ mill-appartament fejn ġie arrestat.

L-Ispettur kompla biex jixhed li hu u l-Ispettur Paul Camilleri telgħu fir-residenza fejn setgħu jaraw li l-arma kienet għadha fit-tarf tal-kuritur, ħdejn il-bieb tal-kamra minn fejn ħareġ hu. Innutaw ukoll li mal-art kien hemm skartoċċ ta’ kulur aħdar bħalma kien instab fuq ix-xena tar-reat. Minn aktar investigazzjonijiet li saru rriżulta li kienu nstabu aktar minn skartoċċ wieħed fuq il-post u li kienu kollha ta’ kulur ħadrani. Tim forensiku eżaminaw il-karozza tas-suspettat, ġiet ittowjata u meħuda fil-kawrtieri.

Analiżi ta’ CCTVs…

L-Ispettur kompla dwar is-CCTVs tal-madwar u li mill-analiżi li saret seta’ jinnota li possibbilment is-suspettat kien għadu liebes l-istess ħwejjeġ li kien bihom meta wettaq l-omiċidju. Huwa ngħata ħwejjeġ oħrajn u dawk li kien liebes ġew eżaminati. 

Roderick Cassar kien eskortat b’ambulanza lejn l-Isptar Mater Dei. Minn hemm huwa ġie dikjarat li hu b’saħħtu fiżikament u mentalment u ġie rilaxxat mill-ewwel u eskortat lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-pulizija.

Dwar l-awtopsja…

Dwar l-awtopsja fuq il-katavru, l-Ispettur qal li din saret fit-23 ta’ Novembru. It-tir fatali kien dak li laqatha f’rasha u mhux dak li laqatha f’sidirha.

Saret ukoll identity parade…

Suspettat iddaħħal f’kamra u miegħu ġew magħżulin tmien persuni oħra li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-każ, iżda li jixbhuh u ġew imlibbsin ġagaga bajda. B’kollox attendew ħames xhieda li kienu raw l-omiċidju jsir. Kull xhud kellu ċ-ċans li jagħraf lill-persuna darbtejn. 

Mill-ħames xhieda erbgħa minnhom għarfu l-imputat fid-darbtejn li huma u x-xhud l-ieħor ma għaraf lil ħadd għax qal li ma kienx ċert.

L-interrogazzjoni…

Roderick Cassar ġie interrogat tliet darbiet. L-ewwel interrogazzjoni saret fit-23 ta’ Novembru għall-ħabta tas-7:00 p.m, wara li saret l-ID Parade. Cassar ma ried iwieġeb għall-ebda mistoqsijiet iżda qal biss li jiddispjaċieh għal li ġralha. Ripetutament huwa beda jgħidilhom li kien għajjien u li ried imur jorqod. 

It-tieni interrogazzjoni saret l-għada l-24 ta’ Novembru fil-11.00 a.m. Miegħu kien hemm l-Ispettur Paul Camilleri. Saqsejnieh jekk kellux ċans biżżejjed biex jistrieħ u wieġeb fl-affermattiv. Mistoqsi rigward il-vittma, Roderick ma riedx iwieġeb lanqas għal mistoqsijiet sempliċi bħal x’relazzjoni kien hemm bejniethom, però kkonferma fejn kienet taħdem Bernice Cassar. 

L-Ispettur qal li staqsieh x’għamlilha u li l-akkużat qal li ma xtaqx iwieġeb għal dan. Qalilhom li jiddispjaċieh ħafna għat-tfal u nfexx jibki. “Din kienet l-unika reazzjoni li kellu”, qal l-Ispettur. It-tielet interrogazzjoni saret fl-istess jum iżda hu ma kienx preżenti għaliha. Dakinhar stess, għall-ħabta tas-2.30 p.m., il-pulizija ressqet lil Roderick Cassar quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima akkużat bid-delitt. 

Il-każ li qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud mistenni jkompli fl-14 ta’ Diċembru 2022.

Sport