Saturday, November 14, 2026
Home Sport Rugby: Malta tikseb rebħa drammatika fuq l-Isvezja fl-aħħar sekondi

Rugby: Malta tikseb rebħa drammatika fuq l-Isvezja fl-aħħar sekondi

0
37
Ritratti: Mike Borg

Malta …………….36

Sweden …………..34

It-team nazzjonali Malti tar-rugby kiseb waħda mill-aktar rebħiet spettakolari f’dawn l-aħħar snin meta s-Sibt waranofsinhar skorja 17-il punt mingħajr risposta fl-aħħar 12-il minuta biex għeleb lill-Isvezja bl-iskor ta’ 36-34, quddiem 1,600 spettatur fit-Tony Bezzina Stadium, f’Raħal Ġdid.

Ftit aktar minn 20 minuta mit-tmiem, Malta kienet qed titlef 19-34 u kollox kien jidher li l-Isvediżi kienu se joħorġu rebbieħa. Madankollu, dak li seħħ wara kien rimonta straordinarja li żammet lill-pubbliku Malti fuq ix-xwiek sal-aħħar sekonda, meta penalty mill-Isvezja li seta’ jagħtihom ir-rebħa spiċċa barra.

Bidu mill-aqwa

Wara biss tliet minuti logħob, il-fly-half Robert Holloway fetaħ l-iskor għal Malta bi try, filwaqt li Christopher Dudman żied iż-żewġ punti mill-konverżjoni biex Malta marret 7-0 minn fuq.

L-Isvezja wieġbet permezz tal-captain Axel Kalling-Smith biex ġabet l-iskor indaqs, 7-7, iżda Malta reġgħet ħadet il-kontroll. Il-hooker Ryan Connolly skorja t-tieni try għat-tim Malti, li ġie kkonvertit minn Dudman, qabel ma Holloway skorja t-tieni try personali tiegħu fit-22 minuta biex Malta fetħet vantaġġ ta’ 19-7.

L-Isvezja rrispondiet permezz ta’ tries minn Daniel Cutler u Samuel Ekfeldt, b’dan tal-aħħar jiskorja proprju ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima. B’hekk, Malta daħlet tistrieħ b’vantaġġ minimu ta’ 19-17.

L-Isvezja tieħu l-kontroll

It-tieni taqsima bdiet ħażin għal Malta. Dudman falla penalty fil-bidu tagħha, u ftit wara l-Iżvediżi skorjaw tliet tries f’inqas minn għaxar minuti.

L-ewwel kien Jack Tatu Robertsson li skorja u kkonverta t-try tiegħu stess, qabel ma s-sostitut Robin Fransson żied try ieħor. Ekfeldt imbagħad skorja t-tieni try personali tiegħu biex l-Isvezja fetħet vantaġġ ta’ 15-il punt, bl-iskor jitla’ għal 34-19 fis-57 minuta.

Rimonta spettakolari

Il-players ta’ quddiem ta’ Malta żiedu l-pressjoni fuq l-avversarji u l-Isvediżi bdew juru sinjali ta’ diffikultà. Fis-67 minuta, plejer tal-Isvezja ntbagħat temporanjament barra mill-ground, u minuta wara r-referee ta penalty try lil Malta wara li l-Isvediżi waqqfu azzjoni li x’aktarx kienet se twassal għal try. B’hekk Malta kisbet seba’ punti f’daqqa u naqqset l-iżvantaġġ għal 26-34.

Fis-70 minuta waslet it-tieni karta safra għall-Isvezja, biex il-viżitaturi kellhom ikomplu b’13-il plejer biss.

Malta approfittat mill-ispazju żejjed u fis-73 minuta s-sostitut Harry Collins qasam il-linja biex skorja try importanti. Dudman ikkonverta u naqqas id-distakk għal punt wieħed biss, bl-iskor ikun 33-34.

Meta kien għad fadal żewġ minuti, Malta rebħet penalty f’pożizzjoni tajba. Dudman ħa r-responsabbiltà, żamm il-kalma u bagħat il-ballun bejn il-lasti biex Malta marret fil-vantaġġ 36-34 għall-ewwel darba mit-tmiem tal-ewwel taqsima.

Fl-aħħar sekondi, l-Isvezja ngħataw penalty li, kieku ġie skorjat, kien jagħtiha r-rebħa. Madankollu, il-ballun spiċċa barra, ir-referee saffar it-tmiem u l-pubbliku f’Raħal Ġdid kien f’dellirju ta’ ferħ. 

Malta tibqa’ fil-quċċata tal-klassifika

Din kienet it-tielet rebħa minn tliet logħbiet għal Malta, li b’hekk baqgħet fil-quċċata tal-klassifika tar-Rugby Europe Men’s Trophy bi 12-il punt, wieħed aktar mill-Ġermanja.

Iċ-Ċekja tinsab viċin b’disa’ punti u logħba inqas, filwaqt li l-Isvezja niżlet fir-raba’ post b’seba’ punti.

Bil-ġlieda għat-titlu għadha miftuħa u l-klassifika daqshekk bilanċjata, kull punt se jkun importanti fil-logħbiet li fadal.

Skorers

Malta (36): Tries: Robert Holloway (2), Ryan Connolly, Harry Collins; Penalty try; Conversions: Christopher Dudman (3); Penalty: Christopher Dudman.

Sweden (34): Tries: Samuel Ekfeldt (2), Axel Kalling-Smith, Daniel Cutler, Jack Tatu Robertsson, Robin Fransson; Conversions: Jack Tatu Robertsson (2).

Ammonitit: Mark Davey (Malta, 33′); David Towler (Sweden, 68′); Armir Kozhani (Sweden, 70′).

Timijiet:

No.MaltaNo.Sweden
1Rhodri Apsee1Viktor Cordes
2Ryan Anthony Connolly2Armir Kozhani
3Joshua Cilia24Maxim Galet
4Mark Davey4Daniel Cutler
5Joseph Greaves (captain)5Elias Granath
6Louis Mifsud6Anthony Rafael
7George Strickland7Nils Granath
8Owen Jon Vassallo8Christopher Vannerberg
9Thomas Holloway9Jack Tatu Robertsson
10Robert Holloway10Joar Blanck
11Zarrin Galea11Setanta MacAodha
12Christopher Dudman12Axel Kalling-Smith (captain)
13Brendan Dalton13Hannes Nylén
14Adam Kelly14Samuel Ekfeldt
15John Terence Connolly15Mattias Nilsson

Replacements

No.MaltaNo.Sweden
16Harry Collins16Harry O’Reilly
17Alexander Jonathan Hignett17Marc Duvel
18Samuel David Eden18Gustav Lindberg
19Blake Scott22Daniel Roos
20Luke Watts19David Towler
21Cameron Sultana21Kristian Thomson
22Jean Scholey20Karl Nilsson
23Jethro Zammit Randich23Robin Fransson

Staff tekniku ta’ Malta: Head Coach: Ignatius Philippus Wilhelm Pretorius; Assistant Coach: Frederick Jacobus Espag; Manager: Nicholas Azzopardi; Performance Analyst: Mark De Brincat; S&C: Samuel Ian Portelli; Physio: Pauline Fenech.

Staff tekniku tal-Isvezja: Head Coach: Alexander Laybourne; Manager: Pasi Niemela; Media Manager: Gunnar Mattiasson; Physios: Monica Häljestig, Jane Jaråker.

Uffiċjali tal-logħba: Referee: Ethan Glass (Switzerland); AR1: Philip Manolopoulos (Austria); AR2: Rimantas Zeringis (Lithuania); Match Commissioner: Eliseo Patron-Costas (Spain).

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here