Jikteb l-Ispeaker tal-Parlament, Carmelo Abela.
Il-Parlament Malti jfakkar il-105 sena mill-ewwel Assemblea Leġiżlattiva Maltija, li saret fid-29 ta’ Ottubru, 1921, f’okkażjoni li tat prominenza lill-istorja tal-istituzzjoni parlamentari f’pajjiżna u lill-importanza li dan il-wirt jibqa’ jissaħħaħ għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-qofol ta’ din il-kommemorazzjoni kien l-ewwel Speaker tal-Assemblea Leġiżlattiva, Edgar Joseph Arrigo, li kien ġie elett unanimament fid-29 ta’ Ottubri 1921. Elezzjoni li kienet, minnha nnifisha messaġġ importanti dwar in-natura u r-responsabbiltà tal-kariga; li l-awtorità u d-dinjità tal-Kamra għandhom dejjem jitpoġġew ‘il fuq mill-interessi partiġġjani.
Waqt l-intervent tiegħi f’din il-kommemorazzjoni li sejjaħtilha Jum l-Ispeakers, għamilt riflessjoni dwar il-bidu tal-Assemblea Leġiżlattiva li ltaqgħet għall-ewwel darba fl-10.00 ta’ filgħodu biex teleġġi Speaker u Deputy Speaker, filwaqt li l-ġurnata ta’ qabel, fit-28 ta’ Ottubru 1921, kien iltaqa’ wkoll is-Senat, li baqa’ jiffunzjona sal-1933.
Fost id-dettalji storiċi kien hemm ukoll l-ewwel dikjarazzjoni konġunta tal-Assemblea u s-Senat, tat-2 ta’ Frar 1922, dwar ir-reliġjon Kattolika Rumana Appostolika bħala r-reliġjon ta’ Malta u d-Dipendenzi tagħha.
L-ewwel Assemblea ma kinitx sempliċement il-bidu ta’ leġiżlatura ġdida, iżda mument fundamentali fil-vjaġġ kostituzzjonali ta’ Malta. Vjaġġ li kien ilu jitħejja fis-snin ta’ qabel, permezz ta’ diversi laqgħat f’Malta u deċiżjonijiet meħuda wkoll fil-House of Commons fir-Renju Unit.
Meta Edgar Arrigo ħa postu fuq is-siġġu tal-Ispeaker, Malta kienet qed tidħol f’fażi kostituzzjonali ġdida u l-Assemblea kellha tibni l-prattiki, ir-regoli u l-konvenzjonijiet li fuqhom kellha tiffunzjona istituzzjoni parlamentari moderna.
F’dan il-kuntest, l-elezzjoni unanima ta’ Arrigo kellha sinifikat partikolari. Minkejja li kien ġie elett bħala kandidat tal-Unione Politica Maltese, il-fiduċja fih kienet qabżet il-firdiet politiċi ta’ dak iż-żmien. Dan, skont l-Ispeaker Abela, stabbilixxa prinċipju li għadu jgħodd sal-lum: li l-Ispeaker għandu jkun il-gwardjan tal-proċedura, tad-dinjità tal-Kamra u tad-drittijiet tal-Membri kollha tagħha.
Matul il-perjodu li mexxa l-Assemblea, bejn Ottubru 1921 u Lulju 1923, Edgar Arrigo kien parti mill-proċess li waqqaf il-pedamenti tal-ħajja parlamentari Maltija. F’Marzu tal-1922 ġew approvati l-iStanding Orders tal-Assemblea Leġiżlattiva, li pprovdew il-qafas proċedurali għall-Parlament il-ġdid.
Kien ukoll żmien li fih kellhom jiġu indirizzati kwistjonijiet marbuta mal-ordni, il-privileġġi parlamentari, il-mozzjonijiet, l-emendi, il-kumitati, il-lingwa u l-limiti tal-awtorità tal-Ispeaker. L-ewwel diskorsi u rapporti uffiċjali kienu fil-fatt jitħejjew bl-Ingliż u bit-Taljan.
Għaldaqstant, l-ewwel Speaker ma kienx sempliċement qed imexxi istituzzjoni li kienet diġà stabbilita, iżda kien qed jgħin biex tinbena. Id-deċiżjonijiet u r-rulings tiegħu kkontribwew għall-iżvilupp tal-ġurisprudenza parlamentari Maltija u għad-definizzjoni tar-relazzjoni bejn il-Kostituzzjoni, ir-regoli tal-Kamra, il-konvenzjonijiet parlamentari u l-awtorità tal-amministrazzjoni kolonjali.
Minn Assemblea Leġiżlattiva għal Parlament ta’ Malta indipendenti
Minn dik l-ewwel seduta tal-1921, il-Parlament Malti evolva flimkien mal-pajjiż, permezz ta’ fażijiet kostituzzjonali differenti, minn gvern responsabbli u aktar awtonomija, sal-Indipendenza fl-1964 u t-twaqqif tar-Repubblika fl-1974.
Il-Parlament tal-lum huwa differenti ħafna minn dak tal-1921. Inbidel il-kuntest kostituzzjonali, inbidlet is-soċjetà, kibret id-demokrazija u żdiedu l-aspettattivi taċ-ċittadini. Barra mill-ħidma leġiżlattiva fuq livell nazzjonali, il-Parlament illum għandu wkoll responsabbiltajiet marbuta mad-direttivi u l-proposti leġiżlattivi tal-Unjoni Ewropea.
Minkejja dawn il-bidliet, hemm prinċipji li baqgħu l-istess: il-ħtieġa għal dibattitu ħieles u rispettat, ir-rispett lejn il-Kostituzzjoni u l-liġi, id-dritt ta’ kull Membru li jitkellem u jinstema’, u fuq kollox ir-rikonoxximent li l-Parlament huwa istituzzjoni tal-poplu kollu u mhux ta’ naħa politika partikolari.
Kull wieħed mill-Ispeakers kellu l-isfidi u l-kuntest politiku tiegħu, iżda kollha kienu parti mill-istess katina istituzzjonali. Għalhekk, huwa importanti li jiġi mfakkar kull min serva f’din il-kariga u ġarr ir-responsabbiltà tagħha.
Ir-rwol tal-Ispeaker tal-lum mhuwiex biss li jmexxi l-ħidma tal-Kamra, iżda wkoll li jħares il-wirt li ngħata u jgħaddih lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Għaldaqstant, Jum l-iSpeakers għandu jitqies mhux biss bħala jum ta’ tifkira, iżda wkoll bħala jum ta’ responsabbiltà: dik li tissaħħaħ l-istituzzjoni, titħares l-imparzjalità tal-kariga, tiġi protetta d-dinjità tad-dibattitu parlamentari u jiġi żgurat li d-differenzi politiċi jkunu jistgħu jiġu espressi b’mod ċar u b’saħħtu, iżda dejjem b’rispett.
Ċerimonja kommemorattiva u plakka b’ġieħ lill-Ispeakers
Bħala parti mill-kommemorazzjoni tal-105 anniversarju, fit-28 ta’ Ottubru saru wkoll attivitajiet li fakkru l-istorja u l-wirt tal-istituzzjoni parlamentari Maltija fejn ġiet inawgurata plakka kommemorattiva bħala ġieħ lill-Ispeakers kollha li servew fil-Kamra tad-Deputati matul is-snin. Din il-plakka sservi bħala tifkira tal-kontribut kontinwu ta’ dawk li kellhom ir-responsabbiltà li jmexxu l-ħidma parlamentari u jħarsu d-dinjità tal-istituzzjoni.
Il-Parlament ta’ Malta fakkar dan l-anniversarju b’ċerimonja li matulha jien bħala Speaker, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg sħaqna fuq l-importanza tat-tisħiħ tad-demokrazija u ta’ Parlament aktar miftuħ u qrib il-poplu.
Fid-29 ta’ Ottubru saret ukoll ċerimonja fil-preżenza ta’ diversi persuni distinti, fosthom eks Speakers tal-Kamra. Matul l-okkażjoni, il-Professur Godfrey Pirotta ta ħarsa lejn il-kuntest storiku li wassal għat-twaqqif tal-ewwel Assemblea Leġiżlattiva, filwaqt li l-Onor. Alex Perici Calascione, l-Onor. Owen Bonnici u l-Ispeaker Carmelo Abela għamlu l-interventi tagħhom.
Li kieku Edgar Arrigo seta’ jara l-Parlament ta’ Malta 105 sena wara l-ewwel seduta, kien isib istituzzjoni ferm differenti minn dik li mexxa fl-1921. Madankollu, kien jagħraf li l-qalba tagħha għadha l-istess: il-laqgħa tar-rappreżentanti tal-poplu, id-dibattitu bejn ideat differenti, l-iskrutinju tal-poter, it-tfassil tal-liġijiet u l-ħidma għall-ġid komuni.
L-istorja tal-Parlament Malti mhijiex biss dak li seħħ fl-imgħoddi, iżda wkoll ir-responsabbiltà ta’ dawk li llum qegħdin imexxuh biex ikomplu jibnuh, isaħħuh u jħalluh bħala wirt sod għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Bħala parti minn din l-inizjattiva kommemorattiva, ġie ppubblikat ukoll ktejjeb li jagħti ħarsa lejn l-Ispeakers kollha li servew fil-Parlament Malti tul dawn il-105 sena, u li jiġbor fih tifkira tal-kontribut tagħhom fl-istorja u fl-iżvilupp tal-istituzzjoni parlamentari. Dan il-ktejjeb huwa disponibbli mingħajr ħlas mill-Parlament ta’ Malta, bil-għan li dan il-wirt storiku jibqa’ aċċessibbli għall-pubbliku u jservi ta’ opportunità biex aktar nies isiru jafu lil dawk li tul is-snin kellhom ir-responsabbiltà li jmexxu l-ħidma tal-Kamra tad-Deputati.
