Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri attenda għall-ftuħ uffiċjali tat-Taormina Food Expo 2026, fejn indirizza lil dawk preżenti, kif ukoll ippresjeda l-iffirmar ta’ ftehim bejn is-CNA Sicilia u l-Gozo Confederation for Agriculture and Fisheries (GCAF). Dan il-ftehim jirrappreżenta pass importanti fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali u istituzzjonali bejn Għawdex u Sqallija, u se jiffaċilita opportunitajiet ġodda għall-esportazzjoni, il-promozzjoni tal-prodotti Għawdxin u kollaborazzjonijiet bejn negozji miż-żewġ gżejjer.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri stqarr, “Għawdex u Sqallija għandhom ħafna x’joffru lil xulxin, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-prodotti, it-tradizzjonijiet u l-għarfien tagħna, kif ukoll fl-esperjenza kummerċjali. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni nistgħu niftħu bibien ġodda għall-bdiewa, is-sajjieda u l-produtturi Għawdxin, niffaċilitaw l-esportazzjoni u l-promozzjoni tal-prodotti tagħna u anke niżviluppaw marki Mediterranji konġunti li jkunu jistgħu jikkompetu f’swieq internazzjonali. Irridu niżguraw li l-produtturi tagħna jkollhom l-opportunitajiet kollha biex jikbru u jkomplu juru l-kwalità u l-identità tal-prodotti Għawdxin lil hinn minn xtutna. Dan il-ftehim huwa pass konkret f’din id-direzzjoni u nittama li jkun il-bidu ta’ kollaborazzjoni dejjiema li minnha jibbenefikaw iż-żewġ gżejjer.”
It-Taormina Food Expo 2026, li qed tittella’ bejn it-12 u l-15 ta’ Novembru, qed tlaqqa’ 82 negozju u organizzazzjoni u toffri opportunitajiet għal kuntatti kummerċjali ma’ xerrejja u delegazzjonijiet internazzjonali.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi rringrazzja lis-CNA Sicilia u lill-Gozo Confederation for Agriculture and Fisheries għall-impenn tagħhom, filwaqt li sostna li l-bdiewa, is-sajjieda u l-produtturi Għawdxin għandhom jingħataw kull opportunità biex jikbru, jilħqu swieq ġodda u jippromwovu l-kwalità tal-prodotti tagħhom.
