Monday, May 13, 2024

Ryan Pisani jwettaq tripletta ta’ suċċessi fir-ranking tournaments

Aqra wkoll

Ryan Pisani rebaħ is-sitt ranking tournament organizzat mill-Federazzjoni Maltija tal-Blackball sabiex wettaq tripletta ta’ suċċessi f’dawn il-kompetizzjonijiet. Fil-fatt hu kien diġa’ rebaħ ir-raba’ u l-ħames ranking tournament sabiex kompla jżomm il-konsistenza tiegħu f’dan l-isport.

Pisani għeleb lil Miguel Mizzi 10-6 fil-finali f’logħba ferm sabiħa u emozzjonanti sabiex laħaq ir-rekord tal-plejer Lydon Debono li wkoll kien rebaħ tliet ranking tournaments lura għas-sena 2019.

Sadanittant fil-finali ta’ taħt it-23 sena, id-debuttant Casdy Vella għeleb lil Clydon Attard 9-8 f’finali ferm missielta sal-aħħar.

Fil-finali tas-seniors 40+, Kevin Schembri għeleb lil Chris Tabone 10-7 filwaqt li Christ Mills kiseb titlu tal-Masters 50+ wara li rebaħ 10-3 lil Edmond Fenech.

Finalment Alfred Micallef rebaħ il-finali tal-Grandmasters 60+ hekk kif għeleb lil Joe Chetcuti bl-iskor konvinċenti ta’ 8-2.

Sadanittant ir-ranking tournament li jmiss se jibda fit-22 t’Awwissu li ġej sabiex aktar plejers jiksbu post fil-kategoriji rispettivi tat-tim nazzjonali Malti.

Sport