Friday, December 20, 2024

Ryan Schembri jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati 

Aqra wkoll

Ryan Schembri baqa’ jinżamm arrestat wa­ra li wieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ frodi u ħasil ta’ flus. Huwa tressaq il-Qorti l-Ħadd filgħodu qud­diem il-Maġistrat Charmaine Ga­lea.

Fl-2014 Schembri kien ħarab minn Malta wara li falla n-negozju tiegħu, u wara li kien ilu mfittex mill-awtoritajiet Maltin għal dawn l-aħħar tmien snin, fl-aħħar jiem huwa ġie arrestat fl-Iskozja u ġie estradit lejn Malta jumejn ilu. In-negozju tiegħu kien More Supermarkets.

Żewġ kumpaniji qegħdin jiffaċċjaw akkużi wkoll li huma Food World Limited u Cassar and Schembri Marketing Ltd. Hawnhekk ukoll Schembri wieġeb mhux ħati.

Il-Qorti ordnat l-iffriżar tal-assi ta’ Schembri. Hawnhekk ġie spjegat kif waqt l-arrest tiegħu nstabu xi kards bankarji barranin, u b’hekk din l-ordni ġiet estiża wkoll għal dawn il-kontijiet.

Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest fejn spjegat li huwa m’għandux indirizz fiss f’Malta hekk kif ġie estradit mill-Iskozja ftit tal-jiem ilu. Id-difiża spjegat li l-imputat telaq minn Malta bl-intenzjoni li jiġi lura. “Schembri dejjem kellu l-ħsieb li jirritorna Malta biex jindirizza l-kwistjoni… ma riedx jiġi lura Malta taħt dawn iċ-ċirkostanzi.” Id-difiża enfasizzat li hemm interessi finanzjarji ta’ terzi persuni li jistgħu joħolqu periklu għal Schembri.
Id-difiża talbet biex il-Qorti tfakkar dan lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, kemm biex il-ħajja ta’ Schembri ma tkunx f’periklu u anke biex ma jkunx hemm avviċinanza minn terzi persuni.

Ekonomija

Sport