Saturday, December 21, 2024

Sa nofs l-2024 se tibda tiġi rranġata l-anomalija fil-pensjonijiet ta’ dawk li twieldu qabel l-1962

Aqra wkoll

“Fil-jiem li għaddew assistejna għall-għoti tal-pagamenti tal-pensjonijiet b’rata mtejba, b’ħafna minn dawn il-pagamenti issa diġà daħlu fis-seħħ. Nhar is-Sibt li ġej imiss li jitħallsu l-pensjonanti tal-invalidità u dawk fuq il-pensjoni minima nazzjonali.” 

Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżuri tal-Budget 2024 immirati għall-familji u t-tfal. 

Il-Ministru Falzon beda biex qal li dan il-Gvern se jkompli jżomm kelmtu u l-wegħdiet li għamel mal-familji u l-pensjonanti kollha. Qal li hekk diġà qbiżna nofs dan ix-xahar eluf ta’ persuni jixhdu dan l-impenn. 

Huwa kompla billi tkellem dwar il-miżura li se tagħmel ġustizzja mal-pensjonanti li twieldu qabel is-sena 1962. Qal li x-xogħol fuq din il-miżura diġà beda u fil-fatt huwa mistenni li sal-ewwel nofs ta’ din is-sena jibdew jingħataw il-pagamenti li jinkludu d-differenza żejda li issa se jkunu qed jieħdu wara t-tibdil li jkun sar.

Dwar l-In-Work benefit, il-Ministru Falzon qal li dan jitħallas kull tliet xhur b’lura u għaldaqstant matul l-ewwel ġimgħa ta’ April 2024, se jkunu qegħdin jitħallsu l-benefiċjarji eliġibbli biż-żidiet kif imħabbra fil-Budget għal din is-sena u li jkun ikopri l-perjodu Jannar sa Marzu 2024. 

L-In-Work Benefit flimkien mat-Tapering tal-Benefiċċji, child care b’xejn u inizjattivi oħra meħuda mill-Gvern, taw spinta sabiex ħafna benefiċjarji tal-Għajnuna Soċjali daħlu fid-dinja tax-xogħol u ma baqgħux jiddependu fuq l-għajnuna socjali. Mill-2013 sal-lum il-benefiċjarji tal-Għajnuna Soċjali naqsu b’56%.

CHILD BONUS

Fl-2020 ġie introdott Bonus ġdid biex jgħin lill-familji b’wild ġdid jew adozzjoni. Għat-tieni darba ser jiżdied dan il-bonus u minn €400 għal kull wild ser jitla’ għal €500 għall-ewwel wild u għal €1,000 għat-tieni wild ġdid fil-familja jew aktar. 

Mal-ewwel pagamenti li ħarġu din is-sena tħallsu 4 każijiet fejn kien hemm l-ewwel wild u 9 każijiet fejn kien hemm it-tieni wild.  Qiegħed jiġi kkalkulat li 3,200 familja se jgawdu minn dawn ir-rati iktar gholjin.

Rati ogħla fil-Benefiċċju tal-Qgħad (UB). 

Sadanittant, ġie spjegat ukoll kif ir-rata tal-benefiċċju fl-ewwel sitt ġimgħat bla xogħol se tibda tkun ta’ 60% tas-salarju jew il-qligħ tal-individwu fl-aħħar impjieg, fl-għaxar ġimgħat ta’ wara r-rata tkun ta’ 55% u fl-aħħar għaxar ġimgħat ir-rata tinżel għal 50%. 

L-inqas rata tal-benefiċċju se tinħadem fuq il-Paga Minima Nazzjonali, filwaqt li l-massimu tar-rata se jinħadem fuq 175% tal-Paga Minima Nazzjonali. Jirriżulta li  ma’ l-ewwel pagamenti tal-Benefiċċju tal-Qgħad li tħallsu din is-sena kien hemm 198 persuna li kwalifikaw minn rati ogħla li huma aktar relatati mas-salarju jew qligħ li l-persuna kellha qabel tilfet l-impjieg.

L-Allowance Miżjuda għal Carer se titla’ għal €173.78 fil-ġimgħa waqt li l-Allowance għal Carer se titla’ għal €120.68 fil-ġimgħa. Dawn l-allowances ġew introdotti bis-saħħa tar-riforma matul is-sena 2017. Permezz ta’ din ir-riforma dawn l-allowances bdew jiġu skrutinizzati permezz ta’ Barhtel Index jew Mini Mental State Examination u b’hekk aktar anzjani ngħataw il-possibilità li jkomplu jgħixu fil-komunità. Iż-żieda fil-carer’s allowance qiegħda titħallas lil 1,232 persuna u l-Carers Allowance titħallas lil 421 benefiċjarju.

Dawk fuq l-Assistenzi Soċjali se jkomplu jieħdu ż-żieda għall-għoli tal-ħajja sħiħa flok żewġ terzi taż-żieda tal-għoli tal-ħajja hekk kif kienu jieħdu sas-sena 2021. B’hekk issa ż-żieda ser tkun ta’ €12.81 fil-ġimgħa. 

Dwar ittwessigħ tat-test tal-mezzi għall-benefiċċjarji tal-Assistenza għal Mard (SKA) il-limitu tal-kapital ser jitla’ minn €23,300 għal €50,000 għal miżżewġin u minn €14,000 għal €30,000 għall-persuni waħidhom. 

Ekonomija

Sport