Monday, November 4, 2024

Sa tmiem din is-sena Malta se tkun użat mat-80% tal-fondi Ewropej

Aqra wkoll

Malta sa tmiem din is-sena se tkun użat mat-80% tal-fondi Ewropej mill-fondi għas-snin 2014-2020, 7% aktar meta mqabbel mal-fondi għas-snin 2007-2013.

Dan ħareġ waqt laqgħa li saret fi Brussell bejn il-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni u r-Riformi Elisa Ferreira u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett. Il-Kummissarju Ferreira faħħret l-implimentazzjoni tal-fondi Ewropej allokati għal Malta, li sa issa 100% minnhom ġew allokati għal proġetti u inizjattivi varji filwaqt li mat-80% minnhom jirriflettu pagamenti li saru lill-benefiċċjarji.

Fil-programm kurrenti, Malta implimentat diversi proġetti ta’ investiment f’oqsma bħall-ambjent, it-turiżmu, is-saħħa, l-edukazzjoni u f’infrastruttura pubblika oħra, fost oħrajn. Il-Kummissarju Ferreira esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li Malta rnexxielha tikkonkludi n-negozjati fuq il-Programmi ta’ Fondi marbuta mal-Politika ta’ Koeżjoni (ERDF/CF/JTF/ESF+) sa Ottubru li għadda, ferm qabel l-iskadenza skedata ta’ Diċembru 2022, biex b’hekk ikun possibbli li dawn il-fondi jibdew jintużaw mill-bidu tas-sena 2023.

Waqt din il-laqgħa, iż-żewg naħat iddiskutew il-passi li jmiss fil-qasam tal-Politika ta’ Koeżjoni f’Malta u kif Malta mistennija tkompli tgħin liċ-ċittadini Maltin permezz tal-Fondi ta’ Koeżjoni.

Is-Segretarju Parlamentari Bonett iltaqa’ wkoll ma’ Céline Gauer, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat DG RECOVER, f’liema laqgħa ġiet diskussa l-implimentazzjoni tal-fondi marbutin mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Hawnhekk ħareġ l-apprezzament tal-Kummissjoni Ewropea għall-progress li għamlet Malta fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-fondi.

Iktar qabel is-Segretarju Parlamentari Bonett kellu laqgħat oħra ma’ diversi Membri tal-Parlament Ewropew fejn kellu l-opportunità li jaqsam magħhom il-perspettiva ta’ Malta fil-kuntest tax-xogħol li għaddej fil-Kumitat REGI u xogħol leġiżlattiv ieħor. Is-Segretarju Parlamentari Bonett spjega l-pożizzjoni ta’ Malta dwar kif dan ix-xogħol jaffettwa l-użu u l-implimentazzjoni tal-fondi Ewropej f’Malta u saħaq dwar l-importanza tal-flessibilità fir-regoli tal-implimentazzjoni u l-użu tal-fondi Ewropej sabiex ikun assigurat li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jibbenefikaw minnhom bl-aħjar mod.

Sport