Monday, December 23, 2024

Sa żewġ persuni fil-pubbliku mhumiex se jibqħu obbligati jilbsu l-maskri

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Dawk il-persuni li ma jkunux aktar minn tnejn fil-pubbliku u li huma mlaqqmin bil-booster, mit-Tnejn li ġej mhumiex se jibqgħu obbligati li jilbsu l-maskra. Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet bl-aħħar dettalji relatati mas-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna.

Fearne ħabbar numru ta’ restrizzjonijiet oħra li se jkunu qegħdin jitnaqqsu għal dawk li se jkunu mlaqqmin bil-booster. F’postijiet fuq ġewwa u fejn ikollok aktar minn żewġ persuni, l-ilbies tal-maskra jibqa’ obbligatorju.

Il-Ministru Fearne ħabbar li mit-Tnejn li ġej, l-attivitajiet sportivi se jkunu jistgħu jerġgħu jilqgħu persuni li għandhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin.

Ristoranti, Snack bars, bars u każini; mit-Tnejn li ġej se titneħħielhom r-regola tad-distanza bejn l-imwejjed u b’hekk dawn l-istabbilimenti se jkunu jistgħu jżidu l-klijenti skont kif permess mil-liċenzja tal-post. Huwa qal li dan se jkun possibbli minħabba li l-istaff u l-klijenti se jkunu kollha mlaqqmin bil-booster.

Il-Ministru tkellem dwar iċ-ċertifikat tal-booster u l-miżuri li jidħlu mit-Tnejn li ġej, il-Ministru Chris Fearne ħabbar li biex tiġi ffaċilitata l-ħajja tan-nies se jkun hemm xi eċċezzjonijiet fuq perjodu estiż bi ftit ġranet. B’hekk:

– Persuni li huma residenti Malta u li se jkunu ġejjin Malta, se jkunu jistgħu jidħlu f’pajjiżna mingħajr il-booster sa qabel l-ewwel ta’ Frar.

– Persuni li ilhom għal perjodu ta’ żmien barra mill-pajjiż u ma kellhomx l-opportunità li jieħdu l-booster, jekk juru x-xewqa li jieħdu t-tilqima ladarba jidħlu Malta se jitħallew jagħmlu dan anke wara l-1 ta’ Frar.

– Persuni li ma jkunux f’kuntatt mal-klijenti f’ristoranti jew Uffiċini mhux se jkunu obbligati jkollhom ċertifikat tal-vaċċin. Intant dawk il-ħaddiema li għandhom kuntatt dirett mal-klijenti se jingħataw estenzjoi sal-1 ta’ Frar biex jitlaqqmu.

-Żgħażagħ bejn it-12 u t-18-il sena mlaqqmin mhumiex se jkollhom bżonn il-booster (Minħabba li dawn għadhom ma jistgħux jieħdu l-booster), mentri tfal taħt din l-età se jkunu eżenti kompletament.

– L-ommijiet, nisa tqal fl-ewwel tremestru mhux rakkomandat li jieħdu t-tilqima u għalhekk fl-ewwel xhur ta’ tqala ċ-ċertifikat tat-tilqim biex tidħol fi stabbilimenti meqjusin bħala mhux essenzjali mhux se tkun mitluba ċ-ċertifikat tal-booster.

– Persuni li rriżultaw pożittivi għall-virus f’dan l-aħħar u għalhekk minħabba parir ta’ sitt ġimgħat stennija biex tittieħed it-tielet doża, dawn se jkollhom eċċezzjoni ta’ sitt ġimgħat mid-data li fiha jkunu ħarġu pożittivi.

– Minkejja li huma każi rari, persuni li kellhom reazzjoni qawwija ħafna għall-ewwel jew it-tieni doża wkoll se jkunu eżentati meta jippreżentaw iċ-ċertifikat mediku.

Il-Ministru Fearne qal li biex l-istabbilimenti jivverifikaw jekk il-klijenti humiex imlaqqmin jew le tnediet l-app CovPassMalta li permezz tagħha l-istabbilimenti se jkunu jistgħu jivverifikaw jekk dawk li jattendu humiex imlaqqmin bil-booster skont kif rikjest.

Tkellem ukoll dwar xnigħat li d-Dipartiment tas-Saħħa jwessa’ postijiet li fihom iċ-ċertifikat tat-tilqim obbligatorju. Il-Ministru qal li jifhem li hawn pajjiżi li fihom jingħataw multi għal dawk li ma jkunux imlaqqmin, iżda l-awtoritajiet Maltin mhumiex se jagħmlu dan u ma eskludiex li jekk jiżdiedu l-persuni mlaqqmin, ikomplu jitnaqqsu r-restrizzjonijiet.

Il-Ministru Fearne ħabbar ukoll li biex jiffaċċilità l-ħajja ta’ dawk li għadhom ma tlaqqmux se jinfetħu tmien walk in clinics biex persuni jmorru u jieħdu t-tilqima tal-booster mingħajr appuntament. 

Barra minn hekk se jkun hawn numru ta’ mobile clinics li se jibdew mit-Tlieta li ġej fiż-Żejtun, il-Ħamis se jkun mal-Knisja Parrokjali ta’ Raħal Ġdid u wara se jkun f’Paceville, il-Qawra u Paceville.

Fearne qal li sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa jkunu ngħataw appuntamenti lit-tfal kollha fis-sistema tal-awtorità u b’hekk dawk li ma jkunux ġew ikkuntattjati għandhom jitolbu għal appuntament biex inkunu aktar protetti.

Il-Ministru temm jappella biex aktar persuni jkomplu jersqu għat-tilqima biex inkomplu nipproteġu lil xulxin u ma nitilfux dak kollu li nkiseb s’issa matul din il-pandemija.

Ekonomija

Sport