Monday, April 15, 2024

“Sabiex tirnexxi f’kull sport hemm bżonn ħafna sagrifiċċju”

Matthew Camilleri – atleta tal-Mixed Martial Arts

Aqra wkoll

Matthew Camilleri twieled f’Ħaż-Żabbar fl-1995 u llum il-ġurnata għandu 26 sena. Hu jipprattika l-MMA jew aħjar il-Mixed Martial Arts u għal dawn l-aħħar sentejn qed jgħix fl-Ingilterra sabiex jagħmel dak li verament iħobb. Ftit tas-snin ilu, hu rnexxielu jiffirma l-ewwel kuntratt professjonali tiegħu ma’ American Kickboxing Academy. Hu kellu wkoll diversi esperjenzi barra minn xtutna fejn mar ukoll fl-AKA Gym f’Phuket fit-Tajlandja, fl-Istati Uniti u f’Liverpool.

Hu ilu għal dawn l-aħħar snin jitħarreġ fl-Ingilterra ma’ wħud mill-aqwa atleti u kowċis tal-MMA. Il-mira tiegħu hi li jkompli jilħaq livell dejjem ogħla f’dan l-isport u d-determinazzjoni tiegħu żgur li se twasslu biex jilħaq din il-mira.

L-imħabba ta’ Matthew lejn l-MMA hi waħda kbira tant li dejjem irid ikompli jtejjeb il-ħiliet tiegħu f’dan l-isport.

Meta nsemmu l-MMA qed nirreferu għal sport ta’ kuntatt li ħafna drabi hu anke magħruf bħala cage fighting jew no holds barred (NHB). Il-ġlied isir b’diversi modi fosthom daqqiet normali bl-idejn u s-saqajn u anke daqqiet mal-art stess. It-teknika hi waħda varjata, xi kultant libera għalkemm il-ħeffa jibqa’ wieħed mill-element l-aktar imporanti f’dan l-isport.

Talk.mt tkellem mal-istess Matthew Camilleri, li deher ferm kuntent u sodisfatt b’dak li rnexxielu jikseb f’dan l-isport filwaqt li jagħmel isem għal Malta.

Camilleri ikkompeta f’kompetizzjoni ferm prestiġġjuża fil-25 ta’ Ġunju li għadda fejn kiseb rebħa oħra u titlu importanti brittanniku f’avveniment li sar f’Bolton l-Ingilterra.

Matthew Camilleri kien qed jiddefendi t-titlu ta’ champion tal-Featherweight li kumbinazzjoni kien rebaħ f’Diċembru li għadda. Hu ħadha kontra l-ġellied minn Wales Azi Thomas u ħareġ rebbieħ wara tliet rounds b’deċizjoni mill-ġurija preżenti.

Azi Thomas hu isem li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fir-Renju Unit minħabba li għandu esperjenza kbira u ħa sehem fil-logħob tal-Commonwealth fejn saħansitra rebaħ il-midalja tal-bronż.

Camilleri beda bl-aqwa mod possibbli l-ewwel rawnd u ma tax ċans lil Thomas juża’ l-mossi tipiċi tiegħu. Hu kompla jitfa’ taħt pressjoni lil Thomas tant li fit-tielet round, l-atleta minn Wales xejn ma kien iffukat. Camilleri żamm il-pressjoni fuq Thomas biex finalment kiseb ir-rebħa b’deciżjoni mill-judges 30-24.

Saqsejna lil Camilleri dwar is-sitwazzjoni tal-MMA f’Malta.

“Ifhem dan l-isport għadna ftit lura sabiex jiġi żviluppat. M’hawnx ħafna kowċis filwaqt li l-avversarji mhumiex ta’ livell. Hawn kowċis għal kickboxing, il-boxing innifsu u Ju Jitsu imma neqsin fl-MMA. Ħasra imma din hi r-realta’!”

Tkellimna miegħu anke dwar il-fatt li hu jgħix bl-MMA li bla dubju mhux xi ħaġa faċli meta tqis li dan hu sport relattivament żagħżugħ fid-dinja.

“Mhux xi ħaġa faċli tgħix bl-MMA iżda grazzi għall-isponsors li qed jgħinuni kif ukoll ommi u missieri li jaraw li qatt ma jonqosni xejn, qed jirnexxieli nagħmilha.”

“Il-fatt li tirsisti u n-nies jaraw li qed tagħmel sforz kbir sabiex ittejjeb il-livell tiegħek hu fiduċja li nista’ nasal anke f’dan l-isport.”

Camilleri jgħidilna li jitħarreġ tliet darbiet kuljum għax f’dan l-isport hemm ħafna elementi importanti li jispikkaw fejn apparti l-fiżika li hi fundamentali, madankollu hemm ukoll l-element psikoloġiku fejn l-atleta jrid ikun dejjem iffukat partikolarment f’mumenti partikolari tal-ġlieda. 

Finalment kif qed jara l-futur tiegħu Matthew Camilleri?

“Qed nara li nkompli niżviluppa l-ħiliet tiegħi f’dan l-isport filwaqt li dejjem inżomm saqajja mal-art.”

Fl-aħħarnett hu xtaq iwassal messaġġ importanti lit-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista.

“Sabiex tirnexxi f’kull sport hemm bżonn ħafna sagrifiċċju. Xi kultant trid tinsa l-ħajja soċjali u tiffoka f’dak li verament tħobb. Mingħajr sagrifiċċju ma tasal imkien iżda l-impenn u d-dedikazzjoni jagħtuk lura ħafna sodisfazzjon.”

Ekonomija

Sport