Thursday, April 18, 2024

KIF TITMEXXA GWERRA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Hemm diversi modi kif titmexxa gwerra. L-idea li attakki militari ta’ kull xorta m’għandhomx isiru bil-ħsieb li jeqirdu lil nies innoċenti hi waħda moderna.

Fit-Testment l-Antik, il-ġens Lhudi dieħel fil-Palestina kien jingħata l-kunsinnja mill-alla tiegħu biex joqtol bla ħniena lin-nies kollha tal-ġens li qed jinvadulu artu. Biex dan isir, xi skuża dejjem kienet tinstab dwar kif il-ġens li kontra tiegħu qed issir l-agressjoni, kien wieħed xellerat u jistħoqqlu kull qerda.

Persjani, Griegi, Feniċi, Rumani u dawk kollha ta’ warajhom segwew kemm setgħu dil-linja. Sa żminjietna laħqet inbidlet xi ftit. Daħlet distinzjoni bejn nies ċivili u
militari. Tal-aħħar jitqatlu, tal-ewwel kemm jista’ jkun jiġu mħarsa mid-dnewwa.

Il-ħolqien tal-ajruplani ħarbtet dal-ħsieb. Bil-bumbardamenti li jsiru fuq bliet kbar seta’ jitkebbes terrur fost il-popli li jrebbaħ jew itellef gwerra. Id-differenza bejn att kriminali jew le fi gwerra donnha reġgħet intilfet. U f’das-sens, mal-ajruplani tal-bumbardiment, illum jistgħu jintużaw il-missili.

REALTAJIET ĠEOGRAFIĊI

Hu minnu li m’hemm xejn ħażin f’li wieħed jara biex kemm jista’ jkun jipprattika d-delizzji tiegħu jew tagħha fiż-żona fejn j/tgħix mal-familja. Biss, hemm realtajiet fiżiċi ta’ fejn tkun tinsab li ma tistax tinjorahom jew twarrabhom.

Ma tistax tiskija fuq is-silġ f’nofs id-deżert tas-Saħara qisek qiegħed qrib Mont Blanc. Ma tistax tippretendi li togħdos bħal ma jsir fil-Mediterran meta tkun tgħix
f’pajjiż li m’għandux baħar, bħal ngħidu aħna l-Isvizzera.

Bl-istess mod, min jgħix fiċ-ċokon ma jistax jipprattika l-isport ta’ min għandu
firxiet kbar ta’ artijiet fejn jista’ jimraħ. Jew min qiegħed bla foresti jew ġungli fejn jiddeffes (jekk baqa’ minn dawn il-meded ta’ art) ma jistax jistenna li minn daru, jmur għall-kaċċa qisu dawn il-foresti u ġungli jinsabu qribu.

IL-MEWT TAL-GAZZETTI

Il-gazzetti mietu. Hekk ilmentajna tlieta li ltqajna għal ftit mumenti f’kuritur tal-Parlament Ewropew. Bdejt l-istorja jien billi kkummentajt kif fil-Press Shop tal-Parlament naqsu l-gazzetti tal-jum.

F’mument tkellimna kif “qabel”, il-ġurnata kienet tibda billi wieħed jaqra l-ġurnali riħa ta’ karta u forsi, linka. Veru li llum wieħed jista jaqrahom (jew uħud minnhom
dawk li għadhom jeżistu) online. U b’hekk issegwihom minn kullimkien. Xorta waħda, l-esperjenza mhijiex l-istess bħal qabel.

Ma kontx naf lit-tnejn li ltqajt magħhom f’din l-okkażjoni stramba imma ndunajt li ma kinux anzjani azzmi bħali! Dak tagħna ma kienx eżerċizzju f’nostalġija ta’ żmien Ħas-Serħ wara kollox.

Lil hinn mid-diskorsi mhux dejjem trasparenti dwar l-indipendenza tal-media “ħielsa”, hemm għarfien li l-ġurnaliżmu tal-lum online għadu b’xi ħaġa nieqsa.

Ekonomija

Sport