Fl-aħħar jiem dan is-sit tkellem mar-rappreżentat tal-Għaqda Bdiewa Attivi Malcolm Borg li qalilna dwar it-tħassib tiegħu rigward ċertu applikazzjonijiet ta’ proġetti kbar li mistennija jkomplu jnaqqru l-art agrikola jekk kemm-il darba jiġu approvati.
Intant kompla fuq dan it-tħassib, il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alfred Sant fejn esprima l-ħsieb tiegħu rigward il-bżonn ta’ protezzjoni totali għar-raba’ li fadal kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Sant kompla li iva se ssib min jargumenta li din id-deċiżjoni tista’ tikkawża dannu lil dawk li għandhom art agrikola f’idejhom u li se tinħoloq iktar inkonvenjenza milli konvenjenza. Huwa qal li dawn għandhom jitħallew jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, iżda l-argumenti tagħhom ma jistgħux jiġu aċċettati biex nassiguraw li nippreservaw dak li baqgħalna bħala art agrikola.