Wednesday, April 24, 2024

Miċħuda storja fil-midja tal-PN dwar pazjent li miet fl-Emerġenza wara li ma nstabx il-fajl tiegħu

Aqra wkoll

L-Isptar Mater Dei ċaħad kategorikament l-istorja ppubblikata fuq il-portal tal-aħbarijiet ta’ Net News bit-titlu ‘Pazjent imut fil-kuritur tal-Emerġenza wara li ma nstabx il-file antik tiegħu’.

Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa ntqal li l-Isptar Mater Dei jista’ jikkonferma li din l-istorja hija xniegħa qarrieqa u li l-proċeduri tal-isptar fl-ebda mument ma jwaqqfu l-kura tal-pazjent jew jipprekludu lill-pazjent milli jiddaħħal f’sala minħabba proċeduri relatati mal-file tal-pazjent.

Il-Ministeru għas-Saħħa kkundanna rappurtaġġ fittizju li minbarra li joħloq allarm fost il-pubbliku, ipoġġi dawl ikrah fuq il-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, li jaħdmu lejl u nhar sabiex isalvaw il-ħajjiet.

Il-Ministeru għas-Saħħa temm jirringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Emerġenza tas-servizz tagħhom.

Sport