Wednesday, April 24, 2024

Jiżdiedu l-każijiet ta’ immigranti li jiddikjaraw li huma minuri biex itawlu l-proċess tal-ażil

Aqra wkoll

Żdiedu l-każijiet ta’ persuni immigranti li jiddikjaraw li huma minuri sabiex itawlu l-proċess tal-ażil u jnaqqsu l-possibbiltà li jiġu rritornati lejn pajjiżhom. Konsegwentement, l-awtoritajiet se jibqgħu kommessi li jiġġieldu dan l-abbuż, kemm fl-interess ta’ pajjiżna u fl-interess ukoll ta’ dawk il-persuni li verament ikun ħaqqhom protezzjoni f’Malta.

Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, l-Ugwaljanza u r-Riformi ddikjara dan fi stqarrija li fiha rrefera għall-każ ta’ seba’ immigranti li waslu Malta irregolarment bil-baħar f’Novembru li għadda u li l-każ tagħhom spiċċa anki quddiem il-Qorti Ewropea.

Fl-istqarrija tiegħu, il-Ministeru filwaqt li ċċara li l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem ma ordnatx li dawn il-persuni jinħarġu miċ-ċentru ta’ detenzjoni fakkar li bħalissa, l-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jfittxu l-Ażil (AWAS) għaddejja bix-xogħol meħtieġ sabiex tivverifika jekk dawn il-persuni humiex minuri jew adulti. 

Fil-fatt, dawn il-persuni waslu Malta mingħajr dokumenti ta’ identifikazzjoni u kollha stqarrew li huma adulti meta ntalbu l-informazzjoni dwar l-identità tagħhom mill-pulizija. Ġranet wara l-wasla tagħhom, tnejn minn dawn is-seba’ persuni ppreżentaw kopji tal-passaporti tagħhom li juru li huma adulti.

Filwaqt li nnota wkoll stqarrijiet żbaljati u skorretti li għamlu l-avukati ta’ dawn il-persuni, il-Ministeru sostna li dawn l-allegazzjonijiet ser ikunu qed jiġu mwieġba mill-awtoritajiet Maltin fir-risposti tagħhom lill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Sport