Wednesday, March 27, 2024

Cyrus Engerer b’diskors lill-Imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża

Aqra wkoll

Jekk qrati kostituzzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jibdew prassi li  kontinwament jisfidaw is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fuq bażi kostituzzjonali, l-awtorita’ tal-Qorti Ewropea u l-qafas legali Ewropew ikunu qed jiġu mminati”, saħaq il-Membru tal-Parlament Ewropew Cyrus Engerer f’diskors li għamel f’isem il-Parlament Ewropew u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali waqt laqgħa fil-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża fil-belt ta’ Karlsruhe.  

Engerer ġie fdat mill-Parlament Ewropew biex jikteb u jinnegozja r-rapport u joħroġ bir-rakkommandazjzonijiet dwar il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-priċipju tas-supremazija tal-liġi Ewropea.  Fid-diskors li għamel, tkellem f’isem il-Parlament Ewropew fejn saħaq li jrid jisma’ l-ħsibijiet ta’ diversi qrati kostituzzjonali minn madwar l-Unjoni Ewropea dwar x’għandu jiġri meta jkun hemm kunflitt f’deċiżjonijiet bejn qorti kostituzzjonali u l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.  Dan wara każ partikolari fil-Ġermanja li spiċċa ġie kkwotat mill-Polonja biex isaħħu l-argument tagħhom u jimminaw il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea.

“Din iż-żjara kienet waħda importanti għalina bħala Parlament Ewropew”, saħaq Engerer, filwaqt li spjega li hu metodu tajjeb sabiex naqsmu l-ħsibijiet dwar il-qafas preżenti legali Ewropew u kif dan jista’ jisaħħaħ.  “Fl-aħħar mill-aħħar huma l-Imħallfin fil-qrati madwar l-Unjoni Ewropea lil jridu jpoġġu fil-prattika dak li jkun qiegħed jiġi lleġiżlat minna l-politiċi”, qal Engerer.

Engerer sostna fuq kif huwa essenzjali li l-komunita’ legali Ewropea tkun msejsa fuq l-applikazzjoni effettiva u uniformi tal-liġijiet Ewropej. Qal ukoll li n-nuqqas ta’ uniformita’ kapaċi twassal għall-kollass sħiħ tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

“L-uniku mod kif l-effettivita’ u l-uniformita’ tal-applikazzjoni tal-Liġijiet Ewropej tista’ tkun assigurata huwa billi naċċertaw il-preċedenza li l-Liġijiet Ewropej għandom fuq liġijiet nazzjonali. Dan dejjem f’oqsma fejn l-Ewropa għandha kompetenza” spjega Engerer.

Engerer irrimarka li matul ix-xhur li ġejjin se jkun qiegħed ikompli jikkonsulta u jitkellem ma’ numru ta’ mħallfin u ġudikaturi minn madwar l-Unjoni Ewropea, kif ukoll dawk tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, sabiex il-Parlament Ewropew ikun jista’ joħroġ bl-iktar rakkomandazzjonijiet b’saħħithom sal-aħħar ta’ din is-sena.

Fi tmiem il-laqgħa, Engerer ikkonkluda jgħid li waħda mill-proposti li l-Parlament Ewropew qiegħed jikkunsidra jagħmel hi dik li twassal li jkun hemm forum Ewropew li fih jiltaqgħu l-Ġudikaturi mill-qrati nazzjonali, flimkien ma’ dawk mill-Qorti Ewropea ta-Ġustizzja biex ikun hemm djalogu kontinwu.

Ekonomija

Sport