Minn Cristian Muscat
Il-club miċ-Challenge League, Santa Lucia, għamel pass ieħor importanti fil-proġett ambizzjuż tiegħu hekk kif ippreżenta uffiċjalment lill-eks internazzjonali Franċiż, Mathieu Valbuena, bħala l-akkwist il-ġdid tiegħu għall-istaġun 2026/27.
Il-preżentazzjoni saret waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret f’restaurant f’San Ġiljan, fejn attendew rappreżentanti tal-club, mistiedna u membri tal-midja.
Valbuena, li għandu 41 sena, wasal Malta wara karriera twila mimlija suċċessi fil-football Ewropew. Matul is-snin lagħab ma’ timijiet prestiġjużi bħal Marseille, Lyon, Fenerbahce u Olympiakos, filwaqt li rrappreżenta lit-team nazzjonali ta’ Franza f’aktar minn 50 okkażjoni. Huwa kien ukoll parti mill-iskwadri Franċiżi fit-Tazza tad-Dinja tal-2010 fl-Afrika t’Isfel u dik tal-2014 fil-Brażil, fejn saħansitra skorja kontra l-Iżvizzera fil-fażi tal-gruppi.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, Valbuena qal li jinsab eċċitat ħafna għal din l-esperjenza ġdida fil-karriera tiegħu u sostna li għadu jħoss l-istess passjoni li kellu meta beda jilgħab il-football.
“Il-miri tiegħi huma sempliċi. Se nagħti l-aħjar tiegħi għal dan il-club, bħalma għamilt matul il-karriera kollha tiegħi. Il-football huwa l-passjoni tiegħi u rrid naqsam l-esperjenza tiegħi ma’ sħabi fit-team, speċjalment mal-players żgħażagħ,” qal Valbuena.
L-eks player ta’ Olympique Marseille żied li jemmen fil-proġett ta’ Santa Lucia u li l-club urieh serjetà kbira sa mill-ewwel kuntatti.
Huwa sostna li minkejja li kellu opportunitajiet minn pajjiżi oħra, għażel lil Santa Lucia għax jemmen li jista’ jagħmel differenza kemm fil-ground kif ukoll barra minnu.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll is-sid tal-club, Samuel Mawuena, li tkellem dwar l-importanza ta’ dan it-trasferiment għall-club u għall-football Malti.
Huwa spjega li l-investiment Tork li sar f’Santa Luċija għandu l-għan li jerġa’ jqiegħed lill-club fost l-aqwa timijiet tal-pajjiż u li l-akkwist ta’ player tal-kalibru ta’ Valbuena huwa sinjal ċar tal-ambizzjonijiet tal-club.
Mawuena qal li l-esperjenza u l-mentalità professjonali ta’ Valbuena se jkunu ta’ benefiċċju enormi għall-iskwadra kollha.
“Huwa champion ta’ veru. Kellu diversi offerti minn pajjiżi oħra iżda emmen fil-proġett tagħna u aċċetta din l-isfida. Aħna ġejna Malta biex ngħinu lill-club ta’ Santa Lucia jikber u nerġgħu nwassluh fejn jistħoqqlu,” sostna Mawuena.
Huwa kompla jgħid li l-club għandu grupp ta’ players b’talent u li l-preżenza ta’ Valbuena se tkun ta’ ispirazzjoni kbira għaż-żgħażagħ.
“Mhux biss se jgħinna fil-logħob. Se jgħallem lill-players tagħna xi jfisser tkun player professjonali ta’ kuljum. Illum il-ġurnata l-football jitlob dedikazzjoni, taħriġ kontinwu u dixxiplina. Player bħal Valbuena jista’ jimmotiva lill-atleti tagħna biex jilħqu livell ogħla,” huwa żied jgħid.
Mistoqsi dwar it-team nazzjonali Franċiż, Valbuena ta wkoll il-fehma tiegħu dwar il-prestazzjonijiet riċenti ta’ Franza. Huwa qal li minkejja l-preżenza ta’ ħafna players żgħażagħ ta’ kwalità, jemmen li t-team ma kienx fl-aqwa livell tiegħu.
“Franza għandha ħafna talent, iżda Spanja kienu aħjar fis-semi-finali. Kont diżappuntat bir-riżultat għax dejjem nibqa’ nsegwi u nappoġġja lit-team nazzjonali tiegħi,” qal il-midfielder Franċiż.
L-akkwist ta’ Valbuena huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar fl-istorja riċenti tal-football Malti. Il-wasla tiegħu turi b’mod ċar l-ambizzjoni ta’ Santa Lucia li jerġgħu jikkompetu fl-ogħla livell tal-football Malti, wara li kienu relegati tliet staġuni ilu.
Bl-appoġġ finanzjarju l-ġdid u b’investiment kontinwu fl-iskwadra, Santa Lucia qed jibagħtu messaġġ ċar li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jiksbu l-promozzjoni lura fil-Malta Premier League.
Il-preżenza ta’ player b’esperjenza internazzjonali bħal Mathieu Valbuena mhux biss ittejjeb il-kwalità tat-team fil-grawnd, iżda wkoll tgħin fit-tkabbir tal-mentalità professjonali fi ħdan il-club kollu.




