Meta kien qiegħed jiġi intervista fuq ONE news, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Robert Abela qal li “trid issir ġustizzja immedjata u mhux aċċettabbli li perusna tistenna tant snin biex titwettaq ġustizzja magħha.”
Hu kien qiegħed jitkellem b’referenza għall-każ li seħħ f’San Ġiljan nhar il-Ġimgħa li għadda meta żewġ uffiċjali tal-Pulizija weġġgħu wara li allegatament John Agius spara tiri lejhom. Wieħed mill-uffiċjali indarab serjament.
Dr Abela qal li kif malli waslitlu l-informazzjoni dwar il-każ, flimkien mal-Ministru għall-Intern Glenn Bedingfield, għamlu żgur li juru l-appoġġ sħiħ mal-Korp tal-Pulizija.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar is-sensiela ta’ investimenti li għamel Gvern Laburista fl-aħħar snin, b’mod partikolarment fil-forzi tal-ordni.
Fost l-oħrajn semma l-aqwa ftehimiet kollettivi li ġew iffirmati, u l-investiment fl-aqwa bodycams u uniformijiet.
Minbarra hekk, Dr Abela enfasizza wkoll fuq ir-riforma tat-tisħiħ fil-pieni għal min iwettaq xi attakk fuq uffiċjal pubbliku. Spjega kif mill-Parlament Malti kienet għaddiet emenda fil-liġi li tiggarantixxi li fl-ebda każ fejn persuna tkun aggrediet Pulizija jew uffiċjal pubbliku waqt il-qadi ta’ dmirijietu, m’għandu jitlaq mill-Qorti b’sentenza sospiża.
Miżuri biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tal-elettriku
Dwar il-qtugħ ta’ dawl, il-Prim Ministru qal li l-familji u n-negozji m’għandhom ebda responsabbiltà għall-inkonvenjenti li ġraw u sostna li l-Gvern huwa determinat li episodji bħal dawn ma jerġgħux iseħħu.
Spjega kif it-temperaturi estremi u l-effetti tal-bidla fil-klima qed joħolqu pressjoni ikbar fuq is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Qal li l-Gvern diġà investa €161 miljun biex isaħħaħ il-grid nazzjonali u ħabbar li x-xogħlijiet infrastrutturali se jiġu aċċellerati, filwaqt li t-tieni interconnector se jkompli jsaħħaħ il-provvista tal-enerġija fil-pajjiż.
Investiment u sussidji biex Malta tibqa’ reżiljenti
Dr Abela qal li Malta mhijiex iżolata minn dak li qed jiġri fid-dinja u li l-gwerer, il-kriżijiet ġeopolitiċi u l-bidla fil-klima għandhom impatt dirett fuq il-pajjiż.
Huwa sostna li għalhekk il-Gvern se jkompli jżomm is-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil sabiex jipproteġi lill-familji u lin-negozji mill-effetti taż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali. Fl-istess waqt qal li Malta se tkompli tinvesti fl-enerġija nadifa, fid-diġitalizzazzjoni u fl-infrastruttura.
Sistema tal-appelli aktar ġusta u effiċjenti
Dwar ir-riforma tal-appelli fl-ippjanar, il-Prim Ministru qal li din għandha l-għan li ġġib iktar ġustizzja, ċertezza u bilanċ bejn il-partijiet kollha involuti.
Spjega li taħt is-sistema proposta l-iżvilupp ma jkunx jista’ jibda qabel jintemm il-proċess tal-appelli, filwaqt li ddaħħlu limiti ċari ta’ żmien biex il-proċeduri ma jdumux snin. Qal li dan se jevita sitwazzjonijiet fejn familji jispiċċaw jixtru proprjetajiet li iktar tard ikunu affettwati minn deċiżjonijiet tal-qorti.
Iktar drittijiet u awtonomija għall-persuni b’diżabilità
Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista qal li l-Gvern wettaq tliet riformi importanti favur il-persuni b’diżabilità, fosthom il-liġi dwar l-awtonomija personali, il-liġi li tipproteġi lill-adulti vulnerabbli u emenda kostituzzjonali li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tad-diżabilità.
Huwa sostna li dawn ir-riformi jagħtu iktar dinjità u indipendenza lill-persuni b’diżabilità u tenna li l-Gvern se jkompli jinvesti f’servizzi, terapiji u miżuri oħra li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Il-Gvern ikompli jsaħħaħ id-drittijiet ċivili
Dr Abela qal li l-liġi dwar l-Ugwaljanza tkompli ssaħħaħ il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u toħloq Kummissjoni u Kummissarju għall-Ugwaljanza.
Huwa kkritika lill-Oppożizzjoni talli telqet mill-Parlament waqt il-votazzjoni fuq din il-liġi u qal li l-Gvern se jibqa’ fuq quddiem nett fit-tisħiħ tad-drittijiet ċivili.
Iktar opportunitajiet għal koppji li qed ifittxu li jsiru ġenituri
Iktar minn elf tarbija twieldu grazzi għas-servizz tal-IVF f’Malta u fakkar li r-rata ta’ suċċess qed taqbeż il-medja Ewropea.
Huwa ħabbar li l-Gvern se jestendi t-testijiet ġenetiċi disponibbli billi jżid 17-il kundizzjoni oħra ma’ dawk diġà koperti. Qal li l-għan hu li iktar koppji jkunu jistgħu jirċievu t-trattament kollu f’Malta mingħajr il-ħtieġa li jfittxu kura barra minn pajjiżhom.
Dr Abela qal li m’għandux jitħalla ċertu moraliżmu żejjed iċaħħad lill-koppji mill-opportunità li jsiru ġenituri permezz tal-avvanzi fit-teknoloġija medika. Sostna li l-Gvern se jibqa’ jagħti prijorità lill-familji u jkompli jwettaq riformi li jippermettu lil iktar koppji jirċievu t-trattament kollu f’Malta.
Il-Prim Ministru temm billi qal li l-ewwel mitt jum tal-leġiżlatura kienu kkaratterizzati minn riformi mwettqa skont l-impenji elettorali u sostna li l-Gvern se jkompli jinvesti fis-sigurtà, fl-infrastruttura, fis-servizzi essenzjali u fid-drittijiet tal-poplu Malti u Għawdxi.
