Surġent tal-Pulizija sofra ġrieħi f’rasu wara li safa aggredit minn persuna waqt il-qadi ta’ dmirijietu, f’San Ġiljan.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-4.00am, meta l-Pulizija intervjeniet f’argument bejn erba’ Maltin – żewġt irġiel u żewġ nisa – fi Triq San Ġorġ. Waqt li l-Pulizija kienu qegħdin jippruvaw jikkalmaw is-sitwazzjoni, wieħed mill-irġiel kompla jkun aggressiv u ġie arrestat.
Kien f’dan il-mument li raġel ieħor, Malti, li ma kienx involut fl-argument oriġinali, iżda li x’aktarx kien jaf lil persuna arrestata, beda jagħti bil-ponn fuq ras is-Surġent, li min-naħa tiegħu ddefenda ruħu.
Għalaqstant, waqt li l-pulizija kienet qiegħda tipprova twaqqaf din l-aggressjoni, inqalgħet kommossjoni, fejn dan ir-raġel tal-aħħar sofra xi ġrieħi u qiegħed jingħata kura medika. Is-Surġent tal-Pulizija ddaħħal l-isptar għal kura minħabba l-ġrieħi li sofra. L-investigazzjoni għadhom għaddejjin.
