Saturday, May 18, 2024

Santi Mina kkundannat erba’ snin ħabs wara li nstab ħati ta’ abbuż sesswali

Aqra wkoll

Il-player Spanjol, Santi Mina, kien ikkundannat erba’ snin ħabs nhar l-Erbgħa wara li nstab ħati ta’ abbuż sesswali.

L-attakkant ta’ Celta Vigo ta’ 26 sena, li skorja 84 goal f’aktar minn 300 dehra fil-LaLiga, ikollu jiskonta s-sentenza jekk l-appell tiegħu ma jintlaqax.

Mina tneħħa mill-akkuża ta’ aggressjoni sesswali li kien qed jiffaċċja wkoll, li hija assoċjata ma’ intimidazzjoni jew vjolenza kontra l-vittma.

Celta qalu li b’mod preventiv neħħew lill-pleayer mill-iskwadra tagħhom sakemm jintemm il-proċess tal-appell.

Huma fetħu wkoll proċeduri dixxiplinarji biex jiddeterminaw l-għażliet li jista’ jieħu l-club.

Mina tressaq għall-ġuri fit-28 ta’ Marzu fil-Qorti Provinċjali ta’ Almeria flimkien mal-ħabib tiegħu David Goldar, li jilgħab mat-team Spanjol tat-tieni diviżjoni Union Deportiva Ibiza.

Mina kien akkużat li attakka sesswalment mara f’karavan barra nightclub fil-villaġġ ta’ Mojacar qrib Almeria f’Ġunju tal-2017.

Il-prosekutur tal-istat kien qed jitlob tmien snin ħabs għal Mina, filwaqt li l-avukati tal-vittma kienu qed jitolbu disa’ snin u nofs.

Goldar instab mhux ħati wara li ġie akkużat li kien kompliċi, bl-avukat tal-mara jitlob erba’ snin u nofs ħabs għalih.

Mina u Goldar qalu li l-mara tat il-kunsens għar-relazzjonijiet sesswali tagħhom.

Il-mara akkużat lil Mina li stupraha f’camper van fl-2017, fejn kienet marret ma’ Goldar.

L-avukat tagħha qal li Goldar m’għamel xejn biex iwaqqaf lil Mina milli jistupraha.

Sport