Scope Ratings iżżomm ir-rating ta’ Malta fil-livell A+ bi prospetti stabbli

Aqra wkoll

L-aġenzija internazzjonali tal-kreditu Scope Ratings ikkonfermat ir-rating ta’ Malta fil-livell A+ bi prospetti stabbli, filwaqt li qed tbassar li l-ekonomija Maltija se tkompli tikber b’ritmu ferm ogħla minn dak ta’ pajjiżi oħra fiż-żona ewro.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva dan bħala ċertifikat ieħor ta’ fiduċja f’pajjiżna.

Huwa rrimarka wkoll li l-aġenzija rrikonoxxiet kif l-għajnuna fil-qasam tal-enerġija pproteġiet lill-familji u lin-negozji, filwaqt li tenna l-impenn tal-Gvern li s-saħħa ekonomika tal-pajjiż tissarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini.

Sadanittant, il-Partit Laburista fi stqarrija qal: Il-Partit Laburista jilqa’ r-rating tal-aġenzija internazzjonali Scope Ratings, li żammet ir-rating ta’ Malta fil-livell A+ bi prospetti stabbli. Din hija konferma oħra tas-saħħa tal-ekonomija Maltija u tal-fiduċja fit-tmexxija prudenti tal-finanzi pubbliċi minn Gvern Laburista. Dan minkejja li pajjiżi akbar qed jogħtru quddiem l-isfidi ġeopolitiċi, tant li qed jispiċċaw anke jitilfu r-rating tagħhom.

B’kuntrast, Scope qed tbassar li l-ekonomija Maltija se tikber b’4.1% din is-sena u se tkompli tikber ferm aktar minn ta’ pajjiżi oħra fiż-żona ewro fis-snin li ġejjin. Dan wara li fl-2025 Malta rreġistrat it-tieni l-ogħla tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea.


L-aġenzija tagħraf ukoll li l-politika tal-Gvern li jżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija fil-biċċa l-kbira pproteġiet lill-familji u lin-negozji mill-prezzijiet għoljin fis-swieq internazzjonali. Għall-Partit Laburista, dan juri l-valur ta’ għażla politika ċara: li quddiem l-isfidi, il-Gvern ikun ta’ sostenn għan-nies u jagħti l-istabbiltà li jeħtieġu l-familji u n-negozji.


Fl-istess waqt, ir-rapport jinnota t-tnaqqis sinifikanti fid-defiċit għal 2.1% fl-2025, li wassal biex Malta ħarġet mill-proċedura Ewropea ta’ defiċit eċċessiv qabel iż-żmien previst. Scope tistenna wkoll li d-dejn jibqa’ moderat u, bħala proporzjon tal-ġid nazzjonali, jonqos gradwalment għal madwar 44% sal-2031.


Dawn ir-riżultati juru li l-appoġġ soċjali u l-investiment jistgħu jimxu id f’id ma’ responsabbiltà fil-finanzi pubbliċi.

Il-Partit Laburista jemmen li din il-fiduċja għandha tkompli tissarraf f’aktar investiment, opportunitajiet u titjib fil-kwalità tal-ħajja, kif deher b’mod mill-aktar ċar fil-Budget imħabbar biss ftit tal-jiem ilu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport