Wednesday, July 24, 2024

Se jara li l-mudell li l-Bank jimxi fuqu jibqa’ jiġi aġġornat 

- Intervista ma’ Leo Brincat, iċ-Ċermen il-ġdid tal-Bank Malti għall-Iżvilupp

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Li se jkun qed jisħaq dwaru ċ-Ċermen il-ġdid tal-Bank Malti għall-Iżvilupp Leo Brincat huwa li l-‘business model’ tal-bank mhux biss irid jibqa’ dejjem jiġi aġġornat għall-ħtiġijiet tar-realtajiet ekonomiċi iżda li jara wkoll element qawwi ta’ sostenibbilità u governanza tajba f’dak kollu li jkun qed jagħmel filwaqt li jsaħħaħ il-kompetittività ta’ pajjiżna u jservi ta’ strument li jiffaċilita t-trasformazzjoni ekonomika b’mod sinkronizzat mad-direzzjoni tal-pakkett multi-miljunarju ta’ għajnuna li pajjiżna kiseb mill-Unjoni Ewropea fid-direzzjoni ta’ ekonomija aktar kompetittiva, diġitali u ħadra.

Is-Sur Brincat, f’kummenti ma’ dan is-sit, sostna wkoll li jrid jara li jkun hemm aktar attenzjoni fuq dawk l-oqsma ta’ kreattività u innovazzjoni fejn pajjiżna għad baqagħlu x’jagħmel flimkien ma’ setturi ġodda ta’ enerġija nadifa u rinovabbli fost oqsma oħrajn. Filwaqt li qal li dejjem irrispetta t-tqassim tar-responsabbiltajiet f’kull organizzazzjoni li ħadem fiha jew magħha, huwa sostna li mhuwiex kompitu tiegħu li bħala Ċermen jidħol fl-operat ta’ kuljum tal-Bank.

Is-Sur Brincat, li għandu esperjenza vasta fis-settur bankarju, ftit ilu temm il-mandat tiegħu bħala r-rappreżentant ta’ pajjiżna fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. 

Huwa qal li matul is-sitt snin tiegħu fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri kien responsabbli għal diversi awditi importanti iżda stqarr li forsi l-aktar wieħed rilevanti għal kariga l-ġdida li dieħel għaliha kien dak li għamel xi erba’ snin ilu dwar il-Juncker Plan. 

“Dan kien rapport speċjali li għafas ħafna fuq ir-rwol tal-banek Nazzjonali għall-Iżvilupp fl-UE fejn konna sħaqna dwar il-ħtieġa ta’ azzjoni konkreta jekk tassew l-UE riedet li tagħmel suċċess mill-Juncker Plan. Tant hu hekk li r-rapport kien jismu European Fund for Strategic Investments: Action needed to make EFSI a full success,” tenna s-Sur Brincat. 

“Fost affarijiet oħra dawn il-banek mhux biss huma fid-dmir li jfiehmu lin-nies t’hemm barra x’inhu r-rwol attwali tagħhom – dwar x’jistgħu u x’għandhom jagħmlu u x’ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tagħhom, kif ukoll dwar il-ħtieġa li jkun hemm servizzi li jagħtu l-pariri tekniċi, speċjalment lin-negozji żgħar kif jistgħu jużaw is-servizzi ta’ banek simili flimkien mal-aċċess għal finanzjament ta’ appoġġ mill-UE għal ċerti proġetti, mingħajr ma jintilfu f’ħafna proċeduri burokratiċi li jistgħu jaqtgħulhom qalbhom. Dak li l-Ingliżi jsejħulu ‘hand holding.’”

Iċ-Ċermen il-ġdid tal-Bank Malti għall-Iżvilupp tenna wkoll li l-mira tiegħu hi li l-bank isaħħaħ il-profil tiegħu ta’ komunikazzjoni għaliex minbarra l-istakeholders ewlenin li diġà qegħdin jgawdu mis-servizzi li joffri il-bank għad hemm ħafna nies li m’għandhomx l-iċken idea dwar dan il-bank x’verament jagħmel u x’ma jagħmilx, kif ukoll għaliex huwa għandu jkun differenti mill-banek kummerċjali li għandna f’pajjiżna. 

“Li żgur se nkun qed nagħmel huwa li apparti milli nkompli nibni fuq il-ħafna tajjeb li sar mindu twaqqaf il bank, irrid nara li jkun hemm djalogu kontinwu, pro-attiv u dinamiku mal-banek kollha f’pajjiżna, kif ukoll mal-korpi kostitwiti kollha fuq bażi regolari. Li żgur minix se nagħmel huwa li għax Ċermen mhux Eżekuttiv sejjer ningħalaq f’bozza maqtugħ minn dak kollu li qed jiġri madwarna. 

“Nemmen li dan huwa bank li l-awtoritajiet se jkomplu jgħinuh jissaħħaħ għax ir-rilevanza tiegħu kibret bil-kbir mindu faqqgħet il-Covid-19 u l-gwerra fl-Ukrajna bl-iskemi li ddaħħlu apposta bil-barka tal-UE. Issa huwa l-waqt li nħarsu lejn inizjattivi ġodda, innovattivi iżda fattibbli li jsaħħu u jkomplu jgħollu u jwessgħu l-profil tal-bank.”

Huwa temm l-intervista billi qal li huwa ta’ inkoraġġiment li fuq il-Bord tal-bank, apparti nies kompetenti b’esperjenza kbira, se jkun hemm ukoll rappreżentanza trejdunjonistika permezz tal-President tal-GWU, is-Sur Victor Carachi, u s-Sur Norbert Grixti li ġej mill-MHRA, lukandier b’esperjenza vasta fis-settur turistiku. Is-Sur Carachi kien nominat mill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).

Ekonomija

Sport