Wednesday, April 24, 2024

Il-Caritas tilqa’ lil kulħadd mingħajr preġudizzji 

- Il-Kordinatur tas-servizzi psiko-soċjali Josef Pace

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

‘’Dak li tagħmlu ma’ dawn l-iżgħar tkunu għamiltuh miegħi wkoll’’ (Mt 25, 40). Kienet din il-frażi meħudha mill-Evanġelju li mmbutat lil Caritas Malta f’din is-sena mimlija attivitajiet u xogħol favur il-fqir u l-vulnerabbli. 

Dan qalu il-kordinatur tas-servizzi psiko-soċjali Josef Pace, f’intervista li kellu ma’ dan il-ġurnal, fejn irimarka li fost id-diversi attivitajiet li ġew organizzati mill-Caritas, spikka l-iktar jum l-anzjani, fejn madwar elf anzjan u anzjana nġabru ġewwa l-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal il-Ġdid biex jiċċelebraw flimkien dan il-Jum u jfakkru li kull persuna, irrispettivament mill-età, hija importanti fis-soċjetà.

Pace semma wkoll li saret il-Caritas Run for Life fit-22 ta’ Ottubru fejn ipparteċipaw ’il fuq minn 800 persuna ġejjin minn kull sfera ta’ soċjetà u età. Żied jgħid li dan sar kollu bl-iskop li nġibu nies flimkien u biex jitwassal il-messaġġ pożittiv li alternattiva għad-droga u l-vizzji hemm l-isports u l-volontarjat li jistgħu jagħtu lil dak li jkun pjaċir u kuntentizza.

B’referenza internazzjonali, Josef qal li Caritas laqat fil-binja tagħha lill-Caritas Europa fejn persuni minn madwar 40 pajjiż fl-Ewropa nġabru biex jiddiskutu flimkien il-mezzi tal-komunikazzjoni u l-fundraising. F’din l-okkażjoni, dawn kellhom l-opportunità li jagħtu viżibbilità dwar is-servizzi li Caritas Malta toffri.

Huwa qal; “Dawn l-attivitajiet u oħrajn inkluż l-ikla tal-Milied li ssir fil-binja tal-Kurja tal-Arċisqof, kienu kollha b’xi mod jew ieħor, imissu ma’ pjaga li bħalissa s-soċjetà tagħna għaddejja minnha: il-Ġerħa tas-solitudni. Li kellna naraw ftit il-brimba ta’ kull vizzju jew mard mentali nsibu li s-solitudni hija dak il-kankru li qiegħed isewwes l-integrità u d-dinjità tal-bniedem.”

Huwa rrefera wkoll għall-aħħar studju li ħareġ mill-Fakultà tat-tisħiħ u l-ħarsien tas-soċjetà, li wera li mill-2019 lil hawn, il-persuni li jbatu mis-solitudni żdied bi 11%. Huwa fisser dan in-numru bħala wieħed inkwetanti u li jkompli jikxef din il-pjaga speċjalment fost l-adoloxxenti ta’ bejn 11 u 17-il sena u adulti ’l fuq minn 55 sena.

Huwa rrimarka li Caritas, dejjem kienet minn ta’ quddiem li toħloq għarfien fil-prevenzjoni speċjalment fl-iskejjel kif ukoll f’numru ta’ gruppi ta’ sapport. Qal ukol li l-adoloxxenti qegħdin jiltaqgħu ma’ diversi sfidi, fosthom minħabba l-midja soċjali, peer pressure, bullying u anke sfortunatament id-droga, twassalhom biex jgħaddu mis-solitudni u jitilfu ċ-ċans li juru l-kuluri sbieħ tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum. 

Mal-adulti, Caritas Malta, tieħu ħsieb toffri s-servizz ta’ terapija bla ħlas minn professjonisti li qegħdin għas-servizz ta’ kull minn għandu bżonn l-assistenza. Fil-varjetà ta’ gruppi ta’ sapport fosthom: ir-RO-SE group għar-romol u separati ta’ età  ’l fuq minn 60 sena; il-YSSG – Young Seperated Support Goup għal dawk l-adulti żgħar li għaddejjin mill-isfida ta’ seprarazzjoni.

It-Thursday Club li joffri sapport lil żgħażagħ li jbatu minn kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali; EA – Emotions Anonymous, għal kull persuna li tixtieq tixtarr l-emozzjonijiet tagħha jew għaddejja minn żmien diffiċli; AA – Alholics Anonymous u AI Anon – għal dawk li jsoffru minn dipendenza tal-alkoħol u l-familjari tagħhom.

Hemm ukoll il- Huntigton’s Support & Epilepcy Association li joffru sapport lill-persuni u l-familjari tagħhom li jsofru minn din il-marda; il-Gambling Anoynomous u Gam Anon li hu mftuħ għal dawk il-persuni u l-familjari tagħhom li jridu jegħlbu d-dipendenza tal-logħob. 

Pace qal; “Ma nistgħux ninsew is-servizz li noffru għal dawk il-persuni li sfaw vittma tal-użura. Servizz ieħor li Caritas Malta toffri huwa mill-Fondazzjoni Dar il-Hena fejn toffri refuġju lil dawk il-persuni li ma għandhomx saqaf fuq rashom kif ukoll ikla sħuna kuljum permezz ta’ Dar Papa Franġisku u Dar Maria Dolores u r-Reach”.

Temm jgħid li l-Caritas tkompli se tkun preżenti u attiva favur kull persuna li tħossha fil-periferija u li l-bieb tagħha hu dejjem miftuħ beraħ biex jilqa’ lil kull persuna mingħajr ebda preġudizzju.  Caritas Malta se tkompli toffri l-għajnuna u s-servizz mingħajr ħlas lil kull min hu fil-bżonn.  

Sport