Monday, November 11, 2024

Se jinbena sptar ġdid f’Għawdex u se jitmexxa mill-Gvern

Il-Prim Ministru kien intervista dalgħodu fuq One Radio

Aqra wkoll

Hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu kien qed jitkellem fuq One Radio, qal li f’Għawdex se jkun qiegħed jinbena sptar ġdid u dan se jkun qiegħed jitmexxa mill-Gvern.

Filwaqt li ddeplora dak li seħħ fil-Parlament nhar il-Ħamis li għadda meta l-Oppożizzjoni wriet li fl-aħħar snin ma nbidlet xejn, serraħ ras il-ħaddiema kollha li jaħdmu fl-Isptarijiet li kienu mexxija minn Steward Health Care li ħadd minnhom ma hu se jitlef l-impjieg.

Il-Prim Ministru qal li tkellem l-ewwel darba dwar is-sentenza tal-Qorti dwar l-Isptarijiet minħabba li kien hemm iż-żmien tal-Appell u għalhekk ma setax jgħaddi kummenti li jistgħu jaffetwaw dan il-proċess.

Hu qal li minkejja li l-Partit Nazzjonalista ilha titkellem dwar dan minn meta ngħata s-sentenza, ma ressqux proposta waħda ta’ kif l-affarijiet jistgħu jimxu ‘l quddiem. Il-Prim Ministru filwaqt li appella għal kalma minħabba l-aġir tal-Oppoiżizzjoni li s’issa ħlief tisbit u għajta ma offritx.

Dr Abela qal li talab lil Awditur Ġenerali biex jara kif inefqu l-flus li l-Gvern għadda lil Steward. Hu sostna li minn dawn il-flus tħallsu l-pagi tal-ħaddiema, ingħataw servizz tajbin fl-isptarjiet. Iżda dawk il-flus li ngħataw u Steward ma tax is-servizzi lura, il-Gvern se jkun qiegħed jieħu l-passi legali kollha biex dawn jingħataw lura.

Il-Prim Ministru tkellmu wkoll dwar is-sitwazzjoni li kien sab ma’ wiċċu l-Partit Laburista meta tela’ fil-Gvern fejn hekk kif ipprova jfittex lil kumpanija Skanska minħabba l-konkos difettuż li sar f’Mater Dei, u meta bdew il-proċeduri, Skanska kienet ħarġet il-ftehim li kien sar mal-Gvern ta’ Gonzi li ħadd ma seta’ jfittixa għal xi danni. Għal Skanska l-konsulent legali kien l-eks mexxej tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Meta ġie biex jitkellem dwar l-ewwel għaxar snin ta’ Gvern Laburista, il-Prim Ministru elenka diversi kisbiet li saru. Hu semma kif fl-aħħar sena biss minkejja li l-problemi kbar li hemm fil-komunità internazzjonali xorta waħda l-ekonomija ta’ Malta baqgħet tikber.

Dr Abela qal li fost id-deċiżjonijiet tajbin li ttieħdu kien li l-prezz tal-enerġija jibqa’ wieħed stabbli u anke l-prezz ta’ fuel qatt ma ra żieda. Kien għalhekk fost miżuri oħrajn li f’Malta hawn l-istabbilità u ċertezza.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għal miżuri li ddaħlu biex jgħinu lil min irid jixtri l-ewwel propjetà u din il-miżura tgħin ħafna liż-żgħażagħ. Hu qal li l-ebda miżura li ddaħlet fl-aħħar għaxar snin ta’ Gvern Laburista ma tneħħiet, iżda l-Gvern ra kif jagħmilha aħjar.

Fost ir-riformi li se jkunu qegħdin isiru, il-Prim Ministru semma dwar it-tibdil kif wieħed jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni. Dr Abela qal li qabel kien kull min ried jista’ jmur jixtri inġenji kbar u jibda jaħdem. Bir-riforma qabel ma wieħed jidħol f’dan is-settur l-ewwel irid ikollu l-liċenzja.

Il-Prim Ministru qal li s-sigriet tas-suċċessi li qed ikollu pajjiżna hu grazzi għax f’Malta hawn l-għaqda nazzjonali.

Sport