Thursday, April 18, 2024

ATTITUDNI LI MA TINBIDILX ANKE F’DIMOSTRAZZJONI ‘PAĊIFIKA’

Aqra wkoll

Sa minn ċkunitna, sa mill-ewwel azzjonijiet tagħna bħala persuni, dawk li jindukrawna jaraw kif jagħmlu biex jiggwidawna biex nagħrfu kif irridu nġibu rwieħna b’tali mod li nkunu eżemplari. Eżemplari mhux biss fil-preżenza tal-ġenituri, iżda anke f’postijiet oħra fejn ma jkunux jistgħu jżommuna taħt għajnejhom. L-għalliema u persuni oħra li jidħlu fil-ħajja tagħna matul il-vjaġġ edukattiv jippruvaw isaħħu fina karattru li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jsawwarna f’persuni responsabbli li jistgħu jiffurmaw soċjetà aħjar għada.

Sfortunatament dak li seħħ l-Ħamis filgħaxija xejn ma jagħti ġieħ la lid-demokrazija ta’ pajjiżna u wisq anqas lis-soċjetà inġenerali. Kollox kien tajjeb sal-ewwel parti tas-seduta parlamentari. Sakemm qal dak li kellu jgħid Dr Adrian Delia, il-Kamra kienet ikkontrollata. Mhux l-istess jista’ jingħad minn xħin fetaħ fommu l-Prim Ministru biex jagħmel l-intervent tiegħu meta ma’ l-ewwel erba’ kelmiet tiegħu, l-istess Delia infexx f’dagħdigħa frenetika ta’ għajjat min-naħa l-oħra tal-Kamra. M’aħniex se nidħlu fil-mertu tat-talbiet kontinwi tiegħu li hu għażel li jikkwota skont li Standing Orders tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

M’aħniex se nkunu aħna lanqas li ngħidu jekk l-Ispeaker kellux raġun jitlob lil Dr Abela biex jirtira ċertu kliem li uża fil-konfront tiegħu anke jekk il-Prim Ministru sostna għal iktar minn darba li kien se jissostanzja kliemu. Madanakollu nemmnu li mhuwiex aċċettabbli li wara li l-Ispeaker jissospendi l-Kamra biex tonqos it-tensjoni u l-għajjat u jiġu ċċarati xi kliem, ikun hemm imbagħad membri oħra tal-oppożizzjoni li jressqu l-ħatab lejn in-nar meta l-fjamma tkun donna qabdet tbatti.

Ngħidu dan għax għal ħafna drabi, deputati Nazzjonalisti interrompew id-dibattitu u tellfu ħafna mill-ħin tal-Kamra bl-għajjat u bil-bosta ‘points of order’ li bdew jitolbu. Mhux biss. Lanqas ma naraw li hu aċċettabbli, anzi ngħidu li huwa tal-mistħija li ntqal xi kliem li jinsulenta lil missier il-Prim Ministru, il-President Emeritu George Abela.

L-atteġġjament tal-eks Kap tal-PN u tal-Oppożizzjoni ħadna lura ftit snin u fakkarna f’meta kien qiegħed jikkampanja għal Kap tal-PN. Dak iż-żmien huwa kien spiċċa b’diversi mistoqsijiet fuq il-midja rigward l-atteġġjament pjuttost aggressiv tiegħu saħansitra anki kien qies lill-Partit Laburista bħala għadu, li mbagħad wara dawwarha f’avversarji hekk kif it-ton ispirat li jħeġġeġ u jikkonvinċi lill-folla kien jispiċċa jinbidel f’ferneżija inkontrollabbli.

Nemmnu li mhux aċċettabbli li fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, persuni magħżulin mill-poplu biex jirrappreżentawh, jispiċċaw idawru seduta sħiħa f’kaos li m’hemmx kelma oħra aħjar biex tiddeskriviha. Ta min isemmi wkoll l-inkarigu tal-Ispeaker Anġlu Farrugia li xejn ma tagħmilhielu faċli jżomm il-kontroll quddiem imġiba bħal din f’suġġetti bħalma kien dak trattat il-Ħamis. Ma jkunx jagħmel ġieħ lil min ikun, minn liema naħa tal-Kamra jkun ġej, li jispiċċa mkeċċi minn dibattitu daqstant importanti għall-poplu kollu. Ma nemmnux li għandu jkun f’Parlament fejn l-Ispeaker ikollu jagħmel seduta kważi sħiħa jwiddeb lil dak u lill-ieħor. Dan ix-xena daqstant diżgustanti ma nistennewhiex minn deputati nazzjonalisti f’parlament demokratiku.

L-eżempju jkaxkar. Din l-arroganza min-naħa tal-PN ma waqfitx fil-Kamra imma kompliet tiġi esposta anke wara s-seduta fejn il-folla, li filwaqt li dan il-gvern qatt ma waqqafha milli tesprimi l-ħsibijiet tagħha, spiċċat tinsulenta u saħansitra tattakka anki lill-ġurnalisti. Mhux aċċettabbli li ġurnalisti, li f’dan il-każ kienu tal-midja tal-Partit Laburista, jispiċċaw mgħajra u nsulentati bi kliem vulgari. Agħar minn hekk, żgur li mhux aċċettabbli li persuna, f’dan il-każ avvanzata fiż-żmien, suppost b’għexieren ta’ snin ta’ esperjenza fil-vjaġġ ta’ ħajjitha, li taqa’ tant fil-baxx li tinfexx tobżqilhom.

L-għan ta’ kull dimostrazzjoni għandu jkun wieħed paċifiku, fejn dawk li jitlaqqgħu, jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom, dak li qed jinkwetahom u forsi anke jirrabbjahom, iżda żgur li qatt ma jista’ jkun li naqgħu f’livelli daqstant baxxi bħala individwi f’soċjetà demokratika.

Lanqas nistgħu naċċettaw li Oppożizzjoni Parlamentari titlaq il-barra f’nofs is-seduta u ma tivvutax fuq mozzjoni mressqa minnha stess. Atteġġjament bħal dan nifhmuħ bħala wieħed li jmur kontra kull prinċipju tad-demokrazija parlamentari.

Ekonomija

Sport