Sunday, December 22, 2024

SE JINBIDLU L-AFFARIJIET?

Aqra wkoll

Wara kull elezzjoni, jew kważi, isiru l-wegħdiet, min-naħat kollha involuti: in-naħa li marret ħażin dwar li ħadet il-lezzjoni u se tistinka biex ittejjeb u tikkoreġi l-affarijiet; u n-naħa li tqis li marret tajjeb, dwar kif biħsiebha tibqa’ tara li ssaħħaħ l-operat tagħha.

Ta’ spiss il-wegħdiet jibqgħu mhux imwettqa. Hekk kif jiddaħħnu t-tifkiriet tat-tbeżbiża jew tal-appoġġ li partit ikun qala’, malajr tarah imur lura għad-drawwiet u l-modi ta’ ħidma li kellu qabel l-elezzjoni. Ġieli bla mistenni, jqumu ċirkostanzi qawwija li jnessu kull ma kien ġara qabilhom.

Il-fatt hu li mhijiex ħaġa faċli tbiddel id-direzzjoni jew iżżid fir-ritmu. Se jkun hemm nies li jaraw ħidma biex tikkoreġi dak li kien qiegħed isir bħala sforz biex il-pożizzjoni tagħhom tiġi mminata. F’kuntest differenti, oħrajn jaraw li la l-bigħa sejra tajjeb, m’hemmx għalfejn tisforza aktar – għax jekk tgħaġġel wisq, malajr tiżloq.

U jibqa’ ma jinbidel xejn!

IL-VERITÀ

Fil-politka kulħadd jinsisti li qed jgħid il-verità. (Barra mill-politika ukoll f’ħafna oqsma tal-ħajja, fuq bażi individwali u kollettiva.) Imma fil-verità – xinhi l-verità? … u mhux biss fis-sens li qalha Pilatu.

Għax fil-politika hi l-logħba tal-interessi kuntrastanti bejn il-bnedmin li treġi. Dak li jaqbel għal settur x’aktarx li jkun qed jaffettwa ħażin settur ieħor. X’qed jiġri se jagħrbluh u jqisuh b’kejl differenti biex jaslu għall-verità tagħhom. Jekk il-logħba politika se tinsisti li fil-verità, dak li qed isir se jasal biex jaġevola lis-setturi kollha, xorta se jqum il-punt ta’ min qed jiġi aġevolat l-aktar.

Japplika għal dil-biċċa, titlu ta’ dramm ta’ Pirandello: Cosi e se vi pare – Hekk hu la jidhirlek hekk! 

HEMM BŻONN PARTITI?

Nibqa’ nemmen li f’demokrazija parlamentari (u anke jekk presidenzjali) il-partiti huma meħtieġa biex ilaqqgħu flimkien nies tal-istess twemmin u fehma, iwassluhom biex jaqblu dwar programm li bih pajjiż jista’ jitmexxa u f’għaqda bejniethom jistinkaw ħalli jġibu warajhom il-maġġoranza taċ-ċittadini.

Bħal kull istituzzjoni oħra, il-partiti jkollhom iż-żmien meta jiffjorixxu u ż-żmien li fih se jaqgħu lura. Aktar importanti se jkollhom ukoll żmien fejn ikunu meħtieġa bidliet jew tiġdid. Kif dan isir hu proċess delikat ħafna. Jekk isir bla pjan u bla ħsieb ta’ x’jistgħu jkunu l-effetti fuq membri tal-partit u fuq il-poplu in ġenerali, problemi biss se jinqalgħu. Jekk isir biss biex jitwarrbu membri qodma jew ġodda l-istess.

F’dittatura, l-partit jew partiti uffiċjali jistgħu jibqgħu ma jinbidlux… sakemm jikkollassa kollox. F’demokrazija, partit li ma jiġġeddidx se jinxef fuq iz-zokk.

Ekonomija

Sport