Il-Kabinett approva t-twaqqif ta’ forum konsultattiv għaż-żgħażagħ li l-għan tiegħu huwa li jkunu ż-żgħażagħ infushom li jressqu huma s-suġġerimenti u jiddiskuti suġġetti ta’ importanza nazzjonali, l-aktar dawk li jolqtu lilhom.
Dan ħabbru l-Prim Ministru Robert Abela meta laqqa’ l-Kabinett fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST), Raħal Ġdid, liema laqgħa rat ukoll il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ ġejjin minn oqsma differenti.
Il-Prim Ministru stqarr li dan il-forum se jkun qiegħed jitlaqqa’ b’mod regolari, minn tal-inqas darba fix-xahar. Qal ukoll li aktar dettalji dwar il-mod kif se jaħdem dan il-forum mistenni li jingħataw fiż-żmien li ġej meta jinfetħu l-applikazzjonijiet.
“Filwaqt li se nibqgħu naħdmu viċin il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, se nimxu biex nagħmlu sejħa pubblika għal dan il-għan,” kompla jgħid il-Prim Ministru. “Se nibqgħu Gvern li jisma’. Gvern miftuħ għall-ideat. Li jqis lilkom iż-żgħażagħ fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu.”