Il-ġuri dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kompla b’aktar recordings bejn Johann Cremona u Melvin Theuma, fejn issemmew €100,000, Keith Schembri u allegazzjonijiet oħra. Madankollu, Cremona baqa’ jinsisti li ħafna minn dak li qal kien jew bluff jew sempliċiment dak li kien jgħidlu Theuma
Il-ġuri dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kompla llum bix-xhieda ta’ Johann Cremona, li għal ġurnata oħra ġie kkonfrontat b’numru ta’ recordings bejn hu u Melvin Theuma. Fost l-aktar siltiet li ġibdu l-attenzjoni kien hemm waħda fejn Theuma jinstema’ jgħid li ried imur għal €100,000 Kastilja, filwaqt li jagħmel referenza wkoll għal Keith Schembri. Meta ġie mistoqsi dwar din il-konverżazzjoni, Cremona kkonferma li, skont dak li kien jgħidlu Theuma, dan kien qed ifittex flus mingħand Keith Schembri wkoll.
Aktar kmieni fis-seduta, il-Qorti semgħet recording ieħor fejn Melvin Theuma jgħid li Yorgen Fenech “lanqas qatt m’hu se jeħles minnhom”, b’Cremona jispjega li fehem li r-referenza kienet għall-aħwa Degiorgio. Fl-istess recording, Theuma jinstema’ jgħid li kien proprju Yorgen Fenech li “qabbad lilhom”. Cremona qal li kienet l-ewwel darba li kien sema’ din il-verżjoni, għax sa dak iż-żmien Theuma dejjem kien qallu li kien hu stess li qabbadhom.
F’silta oħra li nstemgħet fil-Qorti, Theuma jgħid “missu ma qatilhiex”, filwaqt li Cremona jwieġeb li “ma kienx jaf x’se jinqala'”. Aktar tard, Theuma jinstema’ wkoll jgħid li kien jippreferi jinqatel hu stess biex “jeħles hu u teħles il-familja”.
Il-Qorti semgħet ukoll recording fejn Theuma jgħid li kien “għarralhom biċċa waħda” għax irrekordjahom, “b’Keith Schembri b’kollox”. Cremona qal li kien biss meta reġa’ sema’ dan ir-recording fil-Qorti li nduna li Theuma kien qed jgħid li kellu recordings ukoll ta’ Keith Schembri.
Matul il-kontinwazzjoni tax-xhieda tiegħu, Cremona reġa’ enfasizza li qatt ma sema’ personalment ir-recordings bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma u sostna li ħafna minn dak li qal fir-recordings kien jew bluff jew ripetizzjoni ta’ dak li kien jgħidlu Theuma.
Il-prosekuzzjoni kkonfrontatu wkoll dwar allegata laqgħa fir-ranch ta’ Yorgen Fenech f’Ħaż-Żebbuġ, fejn skont Melvin Theuma kien intqal li kellhom idawru l-każ fuq l-eks Ministru Chris Cardona. Cremona ċaħad kategorikament din il-verżjoni u qal taħt ġurament li “dak id-diskors qatt ma sar”.
F’punt minnhom, il-prosekuzzjoni ppreżentat ukoll messaġġi bejn Keith Schembri u kuntatt issejvjat bħala “Xlukkajr”. Cremona kkonferma li n-numru kien tiegħu, iżda qal li ma jafx għaliex Keith Schembri kien issejvjah b’dak il-laqam. F’dawk il-messaġġi, Cremona kien informa lil Schembri li Keith Arnaud kien qed “jagħfsu”. Mistoqsi għaliex kien għadda din l-informazzjoni lil Schembri, huwa wieġeb li dak iż-żmien kien “naqra ppanikjat” u ħass li kien se jiġi tradut.
Il-ġurati semgħu wkoll ir-referenza għal konverżazzjoni fejn Cremona qal lil Schembri “ma nitilgħux nixhdu”. Ix-xhud qal li llum ma jiftakarx għaliex kien uża l-plural, iżda ammetta li dak iż-żmien ma xtaqx jitla’ jixhed. Matul il-kontro-eżami mmexxi mill-Avukat Giannella DeMarco, Cremona reġa’ sostna li Kenneth Camilleri kien daħħlu fil-ġrajja u tenna li kien l-ewwel darba li sema’ dwar il-bail waqt it-tielet laqgħa bejn Camilleri u Melvin Theuma fil-Belt Valletta.
DeMarco kompliet tikkonfronta lix-xhud b’diversi recordings u xhieda preċedenti, fosthom dwar ittra li Cremona qal li kien sab taħt il-bieb tal-uffiċċju tiegħu. Id-difiża sostniet li dik l-ittra kienet ġejja minn email magħrufa biss minn ftit persuni, filwaqt li recording ieħor deher juri lil Cremona jitkellem proprju dwar email li kien irċieva.
F’mument ieħor, id-difiża rrimarkat li, f’diversi recordings, Cremona kien jidher qisu qed jikkalma lil Theuma dwar Keith Schembri. Ix-xhud ċaħad dan u qal li “illum la jinteressani minn Keith Schembri u lanqas Yorgen Fenech – jinteressani minni biss.”
Meta ġie mistoqsi dwar il-kuntatt tiegħu ma’ Keith Schembri, Cremona qal ukoll li sal-lum għadu ma jistax jifhem kif Schembri sar jaf bih. Qabel intemmet is-seduta, Cremona reġa’ fakkar fil-perjodu diffiċli li kien għaddej minnu dak iż-żmien, minħabba problemi serji ta’ saħħa fil-familja tiegħu.
“Il-miżerja ta’ ħajti kien Melvin Theuma. Ma fadalli xejn ħlief il-familja.” Is-seduta ntemmet għall-ġurnata u l-ġuri jkompli għada fid-9.00am, meta Johann Cremona mistenni jkompli bil-kontro-eżami tiegħu.
