Wednesday, November 6, 2024

“Se nagħmel ħilti kollha biex il-ħaddiem jara titjib fil-kundizzjonijiet, anke fil-pagi”

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul jisħaq li se jżomm il-wegħda mal-kostitwenti

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-indirizz tiegħu b’risposta għad-diskors tal-President ta’ Malta, Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u Whip tal-gvern Andy Ellul nnota “mingħajr sorpriża” li fl-ewwel diskorsi tad-deputati kien hemm min għoġbu jibqa’ ankrat mal-passat. Filwaqt li nnota diskorsi ambizzjużi fl-ewwel seduti, Ellul awgura li dawk li qaluhom ma jaġixxux mod ieħor fil-ħajja politika tagħhom.

Rigward il-pjan tal-gvern għall-ħames snin li ġejjin, Ellul qal li dan il-pjan intgħażel b’mod b’saħħtu ħafna fis-26 ta’ Marzu li għadda. Is-Segretarju Parlamentari kompla biex jaqsam l-esperjenza tiegħu fil-house visits u qal li dan kien l-aħjar mod biex tifhem lin-nies. “Kienu jgħiduli teħilx illum, prova ħaffef. Però kont indum kemm hemm bżonn, għax kull persuna jew familja għandhom l-istorja tagħhom”, kompla Ellul. Huwa fakkar li tajjeb li d-deputati kollha jżommu f’moħħhom li huma qegħdin fl-ogħla istituzzjoni għaliex ingħataw il-fiduċja mill-elettorat.

Huwa stqarr li kien hemm min qal li kien xi ftit avventuruż meta waqt il-kampanja ddikjara li se jżomm jumejn fil-ġimgħa biex jilqa’ lill-kostitwenti. Minkejja dan huwa kkonferma li beda b’dan il-mod sa minn wara r-riżultat tal-elezzjoni u se jkompli jżomm kelmtu kif wiegħed anke minkejja bosta impenji oħra.

Ellul sostna dwar punti li saħaq fuqhom fil-maiden speech tiegħu s-sena li għaddiet. Ġustizzja soċjali, inklużjoni soċjali u mobbiltà soċjali huma prinċipji li se jibqa’ jżomm ferm magħhom għax jemmen li dawn huma l-pedament tal-pajjiż.

Ellul tkellem dwar bidliet li jixtieq jara fosthom li l-ħaddiema jaraw żieda fil-pagi tagħhom bil-kundizzjonijiet tax-xogħol jibqgħu fuq nett tal-aġenda tal-gvern Laburista. Huwa qal li se jaħdem qatigħ biex jara li dan iseħħ u spjega kif bħala Segretarju Parlamentari diġà ltaqa’ ma numru ta’ stakeholders fosthom il-GWU, il-Kamra tal-Kummerċ, Kamra tan-Negozji żgħar u medji, Kunsill Nazzjonali tan-Nisa u l-Federazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet Professjonali Maltija.

Ellul temm jagħlaq bl-appell għal Malta magħquda b’Parlament li jikkopera u mhux jagħti l-gambetti.

Sport