Friday, July 26, 2024

“Se nagħmel minn kollox biex ma jitraqqad l-ebda qattus”

- Is-sid ta’ Cat Café f’San Vinċenz

Aqra wkoll

“Bħala individwu li bħalissa qiegħed nieħu ħsieb il-ħarsien tal-qtates f’San Vinċenz, inwiegħed lil pubbliku li m’aħna se ntemmu l-ħajja ta’ ebda qattus, anzi se nagħmlu minn kollox sabiex narawhom iktar b’saħħithom. 

Dan iddikjarah Ackerley Pace, sid il-Cat Café f’San Vinċenz b’reazzjoni għad-deċiżjoni li ttieħdet mill-Qorti fir-rigward tal-qtates fir-residenza tal-anzjani. 

Pace irrimarka li jifhem il-fatt illi forsi hemm xi nies li huma imħassba dwar il-qtates. Huwa wiegħed li ġaladarba jsiru t-testijiet meħtieġa lil qtates, Cat Café se jkun qiegħed jerġa’ jiftaħ għal pubbliku u għal l-anzjani li huma residenti f’San Vinċenz stess. 

Intant il-Prim’Awla tal-Qorti ċivili ċaħdet talba li saritilha biex twaqqaf milli l-qtates li hemm fir-Residenza San Vinċenz jitneħħew mill-Cat Cafè li jgħixu fih.

Dan il-mandat tressaq mill-għaqda volontarja Animal Guardians Malta fil-konfront tal-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul Jorgen Souness, ir-Real Animal Rights Foundation, l-Animal Welfare Directorate u l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina.

Fil-Qorti, l-għaqda qalet li ilha tmexxi l-Cat Cafè biswit ir-residenza għal iktar minn ħames snin. Hija sostniet li dawk msemmija fil-mandat  jridu jneħħu l-qtates minn posthom. 

L-Imħallef Giovanni Grixti, li sema’ l-każ, qal li minn studju il sar, jirriżulta li qtates huma ‘stray’ u li dawn jintużaw bħala parti mit-terapija tal-anzjani. Semma kif uħud mill-qtates huma tal-anzjani stess.  

L-Imħallef żied jgħid li dawk imsemmija fil-mandat, qed jallegaw li x-xogħol kien qed isir ħażin, minħabba l-fatt li l-qtates kienu qed jitħallew fi stat ħażin, b’uħud mill-qtates li jmutu jitħallew hemm. 

Fid-deċiżjoni tiegħu l-Imħallef Grixti qal li huwa sema’ lill-Kap Eżekuttiv tar-Residenza San Vinċenz jiddikjara li mhux l-intenzjoni tagħhom li jirrilokaw il-qtates imma li dawn jingħataw il-kura u jitraqqdu biss fuq il-parir tal-veterinarju jekk ikun il-każ minħabba mard. Kien għalhekk li ma laqax it-talba tal-Animal Guardians Malta.

Intant, it-tmexxija ta’ San Vinċenz de Paul laqa’ d-deċiżjoni tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili u sserraħ moħħ il-pubbliku li ma hemm ebda intenzjoni li jsir rilokar jew li jitraqqdu l-qtates li jgħixu fil-Cat Cafe’ f’San Vinċenz de Paul.

Kuntrarjament ta’ dak li ġie allegat fil-midja soċali fil-ġranet li għaddew mill-amministraturi preċedenti, intqal li l-qtates qed jingħataw il-kura kollha meħtieġa bl-aqwa mod possibbli.

Bħalissa għaddej xogħol intensiv fuq il-post biex fil-ġimgħat li ġejjin, il-qtates ikollhom abitazzjoni mill-aqwa. Permezz ta’ ftehim ma’ veterinarju, inbeda proċess fejn il-qtates kollha qed jiġu mlaqqmin, iċċipjati kif ukoll jingħataw il-kura u l-medikazzjoni meħtieġa. Dan b’nefqa medja ta’ bejn 120 u 130 ewro għal kull qattus. Inxtara ammont kbir ta’ ikel, fosthom ikel gastro-intestinali għal qtates bi bżonnijiet partikolari, kif ukoll ammont ta’ ‘bedding’.

Bħalissa għaddej xogħol ta’ manutenzjoni tal-kmamar u qed isir tindif kuljum minn ħaddiema ta’ San Vinċenz kif ukoll minn persuni li qed jassistu volontarjament.

Meta x-xogħlijiet jitlestew, il-Cat Cafe’ se jkun qed jagħmel parti mill-proġett ta’ razzett terapewtiku bl-annimali, li se jkun qed jgħin b’mod terapewtiku għall-anzjani residenti kif ukoll se jkun miftuħ għall-pubbliku ġenerali.

Ekonomija

Sport