Fl-ewwel reazzjoni tiegħu mal-aħbar li huwa ġie maħtur bħala Chairman tal-MPFCA, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-irwol tiegħu mhux se jkun wieħed li jidħol fit-tmexxija tal-clubs individwali, iżda li jitfassal u jitwettaq proġett ta’ riformi ambizzjużi iżda fattibbli, li jimmodernizza l-ogħla kampjonat tal-football Malti.
Fost l-għanjiet prinċipali li Muscat jemmen li għandu jkun hemm:
- Il-clubs tal-Premier League isiru aktar sostenibbli u jiddaħħal kunċett ta’ solidarjeta’.
- Jiġġeneraw aktar negozju u dħul indipendenti.
- Jattiraw aktar interess u supporters kemm fuq it-televiżjoni u speċjalment fil-grounds.
- Jinvestu aktar f’talent żagħżugħ u jiġi attirat ukoll talent ġdid , f’konsultazzjoni mal-għaqda li tirrapreżenta lill-players.
- Ikun hemm diversita’ fit-tmexxija tal-clubs, fost l-oħrajn bl-involviment attiv ta’ aktar nisa.
- Jitwettaq pjan biex fi żmien ftit snin il-clubs Maltin ikunu jistgħu jisfidaw f’livell ogħla milli qegħdin jagħmlu llum fil-kompetizzjonijiet Ewropej.
Dan kollu huwa parti mill-istrateġija tal-MFA u għalhekk irid isir flimkien mal-MFA. Muscat kompla biex jgħid li hu jemmen li din ir-riforma għandha tħalli impatt pożittiv anki fuq it-team Nazzjonali Malti.
“F’ħafna fażijiet differenti ta’ ħajti, meta tkellimt dwar pjani kont niġi milqugħ b’ xettiċiżmu. Hawn ukoll bħalma għamilt dejjem, anki f’dan ir-rwol volontarju ġdid tiegħi, se naħdem bla heda u se nħalli l-ħidma u r-riżultati jitkellmu bil-fatti”, sostna Muscat filwaqt li rringrazzja mill-ġdid lill-clubs li kkonfermawh b’din ir-responsabbiltà.