Monday, April 29, 2024

“Se naħdem b’saħħti kollha biex il-bidliet kollha meħtieġa jiġu eżegwiti”-il-Ministru Jonathan Attard

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Parlament, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard elenka kif il-Gvern se jkompli jimplimenta r-riforma tant neċessarja f’dan is-settur. Huwa ta l-kelma tiegħu lill-familjari ta’ Jean Paul Sofia u l-poplu Malti, li se jaħdem b’saħħtu kollha sabiex jassigura li l-bidliet kollha meħieġu jiġu eżegwiti.

Huwa qal li jħares lejn dawn ir-riformi b’sens ta’ responsabbiltà u bl-intenzjoni li naraw li nkomplu nsaħħu l-istandards u noħolqu ambjent aktar sigur għal kulħadd. Qal li t-traġedja tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia kienet weġgħa indeskrivibbli għall-ġenituri tiegħu.

Kienet pero’ esperjenza traġika għalina lkoll bħala poplu li mhux biss wasslitna biex inħarsu mill-qrib lejn is-settur tal-kostruzzjoni imma anke lejn oqsma oħrajn bħall-proċess tal-ġustizzja. Sfortunatament, kompla jgħid il-Ministru Attard, għad hemm ħafna familji, inkluż dawk li kienu involuti f’inċidenti qabel dan, li għadhom jistenew bil-ħniena l-konklużjoni tal-inkjesta maġisterjali.

“Intennu l-impenn tagħna bħala Gvern u tiegħi personali li naraw li r-riformi jseħħu.” Il-Ministru Attard qal li l-inkjesta għandha tintuża biex flimkien inħarsu ‘l quddiem u nżidu l-impenn kollettiv għal standards ogħla u fuq kollox serħan il-moħħ.

Dwar l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), huwa semma kif minn 39 ħaddiem fl-awtorità fl-2021, illum dawn żdiedu għal 74 jiġifieri aktar mid-doppju. Dan filwaqt minn 16-il spettur, dawn issa żdiedu għal 35. Barra minn hekk, huwa stqarr li se tkun qed tkompli tissaħħaħ it-taqsima l-ġdida responsabbli mit-taħriġ u se jkun hemm fis-seħħ MOUs speċifiċi ma’ entitajiet oħra fejn jidħol it-taħriġ.

Huwa semma wkoll li se titneħħa kwalunkwe distinzjoni bejn dak mitlub għal binjiet stand-alone u dawk li jmissu mat-terzi. Il-Gvern għaddej ukoll b’ħdima sabiex jara li fl-immedjat issir l-applikazzjoni tal-European Building Codes.

Dwar il-klassifikazzjoni tal-kuntratturi, il-Ministru Attard qal li din se tkun possibbli meta jiġi konkluż il-proċess ta’ liċenzjar. Min-naħa l-oħra, semma kif il-Health and Safety Card qed issir b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA).

Fir-rigward tal-vetting, f’Ottubru 2023, ġiet ippubblikata l-lista ta’ perit li qed jippreżentaw servizz lill-Awtorità u llum il-perit tal-applikant jaf min hu l-perit li qed jevalwa l-applikazzjoni tiegħu.

Il-Bord huwa wkoll tal-fehma li mal-method statement għandu jiġi ppreżentat ukoll rapport ġeoloġiku. Hawn il-Ministru Attard innota kiif il-BCA diġà qiegħda titlob ir-rapport ġeoloġiċi.

Dawn ir-rapporti se jkunu wkoll mitluba skont il-każ u n-neċessità, anke fejn jidħlu l-istandalones. Dwar l-OHSA, il-Ministru Attard qal li filwaqt li l-Awtorità diġà għandha linja diretta se jkun imsaħħaħ is-servizz bl-introduzzjoni ta’ helpline ffukat fuq il-qasam.

Il-bord qal ukoll li l-Awtorità trid tkun iktar preżenti on the ground u twaqqaf lantijiet tax-xogħol meta s-saħħa u s-sigurtà jkunu preġudikati. “Fuq dan il-punt li l-OHSA għamlet ristrutturar intern, u bdiet proġett pilota biex tiżgura aktar effiċjenza fl-infurzar tar-regolamenti,” qal il-Ministru Attard.

Huwa temm id-diskors tiegħu billi qal li dan il-Gvern mhux se jibża’ jieħu d-deċiżjonijiet kollha meħtieġa biex “ma nħallu lil ħadd itappan il-progress li għamel dan il-pajjiż f’diversi oqsma.”

Sport