Monday, December 9, 2024

Tnaqqis fit-trabi mwielda fil-Ġappun għat-tmien sena konsekuttiva

Aqra wkoll

Għat-tmien sena konsekuttiva reġa’ kien irreġistrat tnaqqis fit-trabi mwielda fil-Ġappun. Skont informazzjoni maħruġa mill-gvern tal-pajjiż, fl-2023 twieldu 758,631 tarbija f’dan il-pajjiż, li jfisser tnaqqis ta’ 5.1% mis-sena ta’ qabel. Dan kien ukoll l-inqas numru ta’ twelid minn meta l-Ġappun beda jiġbor l-istatistika fl-1899.

In-numru ta’ żwiġijiet naqas ukoll b’5.9% għal 489,281 koppja, biex dan l-ammont niżel taħt in-nofs miljun għall-ewwel darba f’90 sena – b’waħda mir-raġunijiet ewlenin tkun in-nuqqas ta’ twelidijiet. 

Stħarriġ wera kif ħafna Ġappuniżi żgħażagħ joqogħdu lura milli jiżżewġu jew ikollhom familji tagħhom, u dan minħabba prospetti ta’ xogħol skoraġġanti, il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja u l-kulturi korporattivi li mhumiex kompatibbli mal-fatt li ż-żewġ ġenituri jaħdmu. 

Is-Segretarju Ewlieni tal-Kabinett Yoshimasa Hayahsi qal lill-ġurnalisti li din ir-rata ta’ twelid li qiegħda tkompli tonqos kienet “fi stat kritiku”. Huwa qal li “matul is-sitt snin li  ġejjin, meta l-popolazzjoni żagħżugħa se tibda tonqos malajr, se jkun l-aħħar ċans li nistgħu nkunu kapaċi naqilbu din ix-xejra,” qal. “M’hemmx ħin x’taħli.”

Il-Prim Ministru Fumio Kishida ddeskriva t-twelid baxx bħala “l-akbar kriżi li qed jiffaċċja l-Ġappun,” u kien għalhekk li ppreżenta pakkett ta’ miżuri li jinkludi aktar appoġġ u sussidji l-aktar għat-twelid, it-tfal u l-familji tagħhom.

Madankollu, l-esperti esprimew id-dubji tagħhom kemm l-isforzi tal-gvern se jkunu effettivi għalex s’issa ffukaw fuq l-aktar fuq nies li diġà huma miżżewġin jew li diġà qed jippjanaw li jkollhom it-tfal, filwaqt li ma kienx indirizzat b’mod adegwat il-popolazzjoni dejjem tikber ta’ żgħażagħ li huma riluttanti li jagħmlu dak il-pass li jmiss.

Il-popolazzjoni tal-Ġappun li tammonta għal aktar minn 125 miljun hija mbassra li se tonqos b’madwar 30% għal 87 miljun sas-sena 2070, b’erbgħa minn kull 10 persuni se jkollhom 65 sena jew aktar. 

Il-midja internazzjonali rrapportat kif ukoll il-popolazzjoni li qed tonqos u anke li qed tixjieħ għandha implikazzjonijiet kbar għall-ekonomija u għas-sigurtà nazzjonali hekk kif il-pajjiż qed ifittex li jsaħħaħ il-militar tiegħu sabex jiġġieled l-ambizzjonijiet territorjali dejjem aktar assertivi taċ-Ċina.

Ekonomija

Sport