Monday, December 23, 2024

“Se naslu għax aħna determinati”

Bernard Grech jisħaq li l-pajjiż huwa staġnat minħabba li l-pjan ekonomiku huwa bbażat fuq in-numri

Aqra wkoll

F’intervista l-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, saħaq li hemm bżonn ta’ pjan ekonomiku ġdid għal pajjiżna minħabba li l-popolazzjoni kibret wisq bl-importazzjoni ħaddiema li skont huwa staġnaw il-pajjiż b’konsegwenza ta’ pjan ekonomiku mhux san. Filwaqt li saħaq li  hemm bżonn ta’ ekonomija aktar għalija li ma tkunx ibbażata fuq in-numri imma fuq il-kwalità, Grech qal li huwa konvint li ladarba jkun fil-Gvern “se naslu għax aħna determinati, għandna għal qalbna l-poplu Malti u nħobbu l-pajjiż”.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem fuq tliet temi prinċipali li huma l-pjan ekonomiku lokali, l-għoli tal-ħajja u l-każ ta’ Jean Paul Sofia. Filwaqt li dwar l-ekonomija huwa allarma li l-popolazzjoni tagħna diġà qabżet il-540,000 ruħ u bl-importazzjoni ta’ 20,000 ruħ oħra, il-popolazzjoni f’Malta mhiex sostenibbli, huwa staqsa kif din is-sitwazzjoni tista’ tkompli hekk kif jara qerda ambjentali, telqa ġenerali u spazji limitati ħafna.

Fl-istess ħin li attakka l-importazzjoni tal-ħaddiema, Grech ammetta li huwa minnu li jekk ikun hemm bżonn ta’ “ftit numri, tajjeb li jkollok imma rridu nibnu pilastri ekonomiċi ġodda. Dan ilna ngħiduh u se ndaħħluhom kif konna għamilna kull meta konna fil-Gvern. Aħna magħna jgawdi kulħadd. Il-pilastri ekonomiċi li bnejna snin ilu għadna nieħdu l-frott tagħhom illum u se nkomplu imma rridu naġġornaw maż-żminijiet u huwa għalhekk importanti li mmorru għal setturi ġodda u ta’ kwalità”.

Hawn huwa semma s-settur tal-AI fejn sostna li l-PN huwa partit li jħares ‘il quddiem u huwa viżjonarju li jaqra s-sinjali taż-żminijiet. “Dejjem hekk konna u dejjem hekk se nerġgħu nkunu għax għandna viżjoni f’kull materja ta’ importanza biex dan il-pajjiż jimxi ‘l quddiem. Nagħmlu ekonomija ta’ kwalità u pagi aħjar li tagħti futur anke lil uliedek minflok jaħarbu għax xebgħu,” insista l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Grech għal darb’oħra elenka l-proposti tal-partit tiegħu biex tkun indirizzata l-problema tal-għoli tal-ħajja li fi kliemu stess hija “problema impurtata”. Huwa ammetta wkoll li l-proposta tal-fond €40 miljun mhiex biżżejjed għal dak li pproponew bħala miżuri ta’ għajnuna fosthom inċentivi fiskali għal min iħaddem.

Rigward il-każ ta’ Jean Paul Sofia, il-Kap tal-Oppożizzjoni barra li reġa’ attakka personalment lill-Prim Ministru Robert Abela, insista li llum kulħadd irid imur quddiem kastilja għax jekk ma nagħmlux hekk, għalih inkunu qegħdin nonqsu lil pajjiżna. Grech saħaq li Jean Paul Sofia “huwa ibni, ibnek u iben dan in-nazzjon u int trid tkun hemm għax biss flimkien bħala poplu bla kuluri, nistgħu nuru li dan il-pajjiż irridu nibdlulu d-direzzjoni”.

Ekonomija

Sport