Sunday, May 3, 2026

‘Se nibqa’ naħdem biex nitjieb kuljum’ – Kayden Lagana

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-bowling Malti reġa’ kiseb suċċess importanti fix-xena internazzjonali grazzi għall-wirja eċċezzjonali ta’ Kayden Lagana, li rebaħ l-avveniment tas-singles fil-Kampjonati tal-Mediterran li saru fil-Kroazja. B’medja impressjonanti ta’ 238.8 pins, Lagana mhux biss spiċċa fl-ewwel post, iżda għamel dan b’dominanza assoluta, tant li temm 90 pin quddiem l-eqreb rivali tiegħu, Yoav Inv mill-Iżrael.

Din kienet wirja li turi maturità kbira minn atleta żagħżugħ li beda jagħmel isem għalih innifsu barra minn xtutna. Fil-fatt, Lagana kien diġà kważi ċert mir-rebħa qabel bdiet l-aħħar logħba, sinjal ċar tal-konsistenza u l-kontroll li kellu tul il-kompetizzjoni kollha. It-tielet post mar għand il-Kroat Stevan Lekic, filwaqt li l-Malti l-ieħor, Nicolai Mallia, spiċċa ftit ‘il bogħod mill-podju b’medja tajba ta’ 216.

Meta tkellimna ma’ Kayden, ma setax jaħbi s-sodisfazzjon tiegħu. “Inħossni kburi ħafna b’dak li rnexxieli nagħmel,” qalilna. “Kien turnament diffiċli, iżda kont preparat sew u kont naf x’kelli nagħmel f’kull mument tal-logħba.”

Din il-preparazzjoni kienet kruċjali. “Għamilna madwar xahrejn nittrenjaw flimkien bħala tim nazzjonali,” jispjega. “Il-kowċ Mark Spiteri għenni ħafna, mhux biss fit-teknika imma wkoll mentalment. Il-kliem u l-pariri tiegħu waqt il-logħob kienu importanti ħafna għalija.”

Mument ieħor li Kayden jisħaq fuqu kien is-sens ta’ tim li nħoloq waqt il-preparazzjoni għal dawn il-kampjonati. “Għalkemm il-bowling jidher sport individwali, meta tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżek issir parti minn tim,” jgħid. Huwa jispjega kif il-plejers kienu kontinwament jappoġġjaw lil xulxin, kemm waqt it-taħriġ kif ukoll waqt il-kompetizzjoni.

“Konna nagħtu kuraġġ lil xulxin u naqsmu pariri kontinwament. Dan jgħinek tibqa’ pożittiv anke meta l-affarijiet ma jmorrux kif tixtieq.” Barra minn hekk, huwa jenfasizza kemm kien importanti li jżomm rutina qabel kull logħba biex jibqa’ ffukat. “Qabel kull logħba nipprova nikkalma ruħi u nikkonċentra fuq il-miri tiegħi. Dan jgħinni nibda tajjeb u nżomm konsistenza.” Dawn id-dettalji żgħar jagħmlu differenza kbira f’livell internazzjonali, fejn il-kompetizzjoni hija qawwija ħafna u kull pin jista’ jiddeċiedi r-riżultat finali.

Aspett importanti li Kayden jisħaq fuqu huwa l-fatt li rnexxielu jibqa’ kalm u jagħmel l-aġġustamenti meħtieġa waqt il-logħba. “Kont komdu nilgħab u rnexxieli nagħmel xi tibdil fejn kien hemm bżonn. F’dan l-isport trid tkun kapaċi taqra s-sitwazzjoni u tadatta malajr.” Huwa ammetta wkoll li xi ftit fortuna dejjem tgħin, iżda enfasizza li x-xogħol li sar qabel kien fundamentali għas-suċċess.

Il-vjaġġ ta’ Kayden fil-bowling beda minn età żgħira ħafna. “Bdejt meta kelli madwar tmien snin,” jgħid. “Minn dejjem affaxxinatni dan l-isport u dejjem ridt nitjieb.” Bħala student hu dejjem jirnexxielu jibbilanċja l-istudji mal-isport b’dixxiplina kbira.

“Mhux faċli tlaħħaq ma’ kollox, imma nipprova norganizza l-ħin tiegħi sew,” jgħid. “It-taħriġ hu importanti ħafna għalija, imma l-istudju wkoll.” Fil-fatt, Kayden jitħarreġ għal numru ta’ sigħat biex dejjem ikun fl-aqwa tiegħu.

Huwa jemmen li l-bowling mhux biss sport fiżiku, iżda wkoll wieħed mentali. “Il-moħħ hu kollox. Trid tiffoka fuq kull shot u żżomm konsistenza.” Jispjega kif il-mira hija kruċjali, speċjalment meta wieħed iqis li l-plejers ma jħarsux direttament lejn il-pins, iżda lejn il-boards fuq l-art biex jiksbu l-aħjar angolu possibbli.

Kayden tkellem ukoll dwar l-isfidi finanzjarji li ġġib magħha din id-dixxiplina. “Mhux sport irħis,” jgħid b’onestà. “Il-blalen, iż-żraben u l-apparat kollu jiswew ħafna flus, iżda huma essenzjali biex tikkompeti fuq livell għoli.”

Din mhix l-ewwel darba li Kayden kiseb suċċess barra minn Malta. Fil-passat, diġà rebaħ midalja tad-deheb fl-Irlanda u oħra tal-fidda fil-Belġju, flimkien ma’ diversi riżultati pożittivi oħra. Dawn il-kisbiet wassluh biex ikun rikonoxxut ukoll bħala Atlas Youth Athlete of the Month, unur prestiġjuż li jenfasizza t-talent u d-dedikazzjoni tiegħu.

Il-kisbiet tiegħu huma wkoll riżultat ta’ ambizzjoni kbira. “Ix-xewqa tiegħi hi li nsir bowler professjonali,” jgħid. “Nixtieq nilgħab fil-PBA u nikkompeti mal-aqwa fid-dinja.”

Is-suċċess fil-Kroazja huwa pass ieħor importanti lejn dan l-għan. Il-wirja tiegħu mhux biss tat sodisfazzjon personali, iżda wkoll ġabet unur lill-Malta Tenpin Bowling Association u lill-pajjiż kollu.

Fl-istess kompetizzjoni, iż-żewġ nisa Maltin Cynthia Frendo Duca u Tiziana Muscat Carannante kisbu esperjenza importanti, fejn spiċċaw fil-11 u l-21 post rispettivament. Dan juri li l-bowling Malti qed ikompli jikber u jissaħħaħ f’kull kategorija.

Meta wieħed iħares lejn il-vjaġġ ta’ Kayden Lagana, jidher ċar li dan huwa atleta b’potenzjal enormi. B’taħlita ta’ talent naturali, xogħol iebes u appoġġ mill-kowċis u l-familja, għandu quddiemu futur sabiħ ħafna.

U kif jgħid hu stess, b’umiltà iżda determinazzjoni: “Se nibqa’ naħdem biex nitjieb kuljum.” Din il-mentalità hija propju dik li tagħmel differenza bejn atleta tajjeb u wieħed eċċezzjonali u Kayden Lagana diġà qed juri li jista’ jkun fost l-aqwa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport