Sunday, December 22, 2024

“Se nibqgħu ngħinu lill-Ukrajna kif diġà għamilna”

Il-Prim Ministru Robert Abela

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara li l-President Ukren indirizza b’mod virtwali l-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela semma kif f’din il-gwerra tilfu ħajjithom diġà eluf ta’ tfal, nisa, irġiel u ċittadini innoċenti. “Il-ħsibijiet u t-talb tagħna huma magħkom ilkoll. Il-Gvern Malti u l-poplu Malti jinsabu magħkom hekk kif inkomplu nirrispettaw l-integrità territorjali u s-sovranità ta’ pajjiżek kif marbut ukoll maċ-charter tan-Nazzjonijiet Uniti.” 

Qal li minkejja bħala pajjiż aħna żgħar, marbuta mill-kostituzzjonijiet tagħna dwar il-prinċipji tan-newtralità u n-non-allinjament, u minkejja li l-gwerra hija ‘l bogħod, dan ma jfissirx li aħna siekta u torox għat-tbatijiet tal-poplu Ukren. 

“Għall-kuntrarju, Malta se titkellem fejn u meta jkun il-waqt, f’fora internazzjonali u fi ħdan l-istrutturi tal-Unjoni Ewropea. Se nkomplu nisħqu fuq il-paċi u għal waqfien immedjat mill-ġlied,” tenna Dr Abela filwaqt li qal li Malta hi mħassba sew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fl-Ukrajna. 

“Se nibqgħu ngħinu kif diġà għamilna. Permezz ta’ mezzi finanzjarji u anke permezz tal-provvista ta’ tagħmir mhux letali, provvista ta’ mediċini u ta’ servizzi mediċi. Inwegħdu wkoll l-appoġġ meħtieġ lill-komunità żgħira ta’ Ukreni f’Malta li ħarbu mill-kunflitt.”

“Ma jimpurtax kemm tista’ tkun ‘il bogħod il-gwerra, l-effetti tagħhom huma wiesgħa u jolqtuna finanzjarjament, ekonomikament, psikoloġikament u anke soċjalment,” tenna l-Prim Ministru.

Qal li jekk hemm assigurazzjoni waħda li jista’ jagħti lill-President Ukren hija dik li l-uġigħ u t-tbatija tal-poplu Ukren mhux se jaqgħu fuq widnejn torox. Qal li se jkomplu jimplimentaw azzjonijiet miftehma fil-livell tal-UE biex tibqa’ ssir pressjoni ħalli jimmaterjalizzaw it-taħditiet diplomatiċi bil-għan li jintemmu l-ostilitajiet. 

Dwar il-kwistjoni tal-passaporti tad-deheb, il-Prim Ministru qal li Malta waqqfet applikazzjonjijiet minn ċittadini Russi u Belarussi u rrevokat iċ-ċittadinanza ta’ persuna Russa li kienet eventwalment milquta mis-sanzjonijiet.

Il-Prim Ministru temm jgħid li l-unika soluzzjoni aċċettabbli f’dan il-kunflitt hija l-irtirar tat-truppi Russi mill-Ukrajna segwit minn djalogu u taħditiet effettivi għall-paċi. “M’intomx waħedkom. Malta tinsab mal-Ukrajna.” 

“Jalla l-Ukrajna tissieħeb fl-Unjoni Ewropea” – Bernard Grech

Tkellem ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li qal li l-gwerra hi ta’ tħassib mhux biss għall-Ukrajna imma għad-dinja kollha. “Malta hija l-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea iżda minkejja dan, matul it-Tieni Gwerra Dinjija kienet id-dawl f’baħar prattikament iddominat mill-qawwa tad-dlam. Bqajna fermi kontra n-Nazziżmu u l-faxxiżmu b’suċċess. Għalhekk il-George Cross għadu jsebbaħ il-bandiera nazzjonali tagħna. 

“Huwa minnu li aħna żgħar. Ma nistgħux nipprovdu armi u tagħmir militari jew għajnuna finanzjarja sostanzjali imma għandna qalb li tilħaq lilek,” tenna Dr Grech.

Huwa temm id-diskors tiegħu billi qal: “Jalla l-Ukrajna tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Meta dan iseħħ, l-Ukrajna se tkun lura f’darha wara ħafna żmien. Ikkunsidrana bħala wieħed mill-ħbieb u alleati tiegħek.”

Ekonomija

Sport